Telgħu għal 300 il-persuni li nqatlu f’Gaza fl-aħħar jumejn. Dan hekk kif il-qawwiet Iżraeljani qed javvanzaw lejn iċ-ċentru tal-Medda ta’ Gaza.
Skont id-Direttur tal-Isptar fit-tramuntana ta’ Gaza, Marwan Al-Sultan jidher illi kienu 58 ġisem li daħlu l-Isptar sa minn nofsillejl filwaqt li ħafna oħra jinsabu taħt it-tifrik tal-attakk.
Sorsi Palestinjani qed jirrappurtaw illi l-mezzi militari ta’ Netanyahu daħlu sew fil-qalba ta’ Gaza.
Iżrael minn naħa tiegħu qed jgħid li din hija biss il-fażi inizjali ta’ offensiva ġdida. Din l-operazzjoni qed tissejjaħ ‘Gideon’s Chariots’. U l-għan aħħar ta’ netanyahu jibqa’ li jieħu lura l-ostaġġi kollha li għadhom maqbuda fit-territorji. B’uffiċjal tad-difiża Iżraeljan jistqarr illi l-operazzjoni ma kinitx se tingħata bidu qabel il-President Amerikan Donald Trump ikun lest miż-żjara diplomatika tiegħu fil-Lvant Nofsani….żjara li ntemmet propju matul il-ġurnata tal-Ġimgħa.
Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Prim Ministru Netenyahu kien stqarr li se jieħu f’idejh il-Medda ta’ Gaza biex jeħles mill-Hamas – u l-Kabinett approva pjan biex il-popolazzjoni Palestinjana tiġi imbuttata kollha lejn in-naħa t’isfel tar-reġjun.
Rapporti internazzjonali qed juru wkoll illi madwar miljun Palestinjan jaf ikunu rilokati lejn il-Libya li wkoll għaddejja minn ġlied li dejjem qed jeskala – b’mod permanenti – dan skont pjanijiet li qed isiru mill-amministrazzjoni ta’ Donald Trump. Iżda, dawn ir-rapporti qed jiġu miċħuda mill-Gvern Amerikan.
Intant, matul il-ġurnata tas-Sibt kellha ssir ukoll l-Arab League Summit. Summit mmexxi mill-President tal-Iraq Abdul Latif Rashid….illi kellha wkoll tiddiskuti l-gwerra f’Gaza.
L-għan aħħari tal-Iżraeljani jibqa’ l-eliminazzjoni tal-Hamas, li fetħu l-ewwel attakk tagħhom fis-7 ta’ Ottubru tal-2023. L-Iżraeljani sa issa jidher li qatlu aktar minn 53,000 persuna f’Gaza inkluż ċivili.
//= $special ?>