Kundanna ċara min-nies tal-Għargħur. Dak li ġara din il-ġimgħa huwa tal-mistħija. Il-Labour mar kontra r-rieda tar-residenti. Għal Robert Abela, il-Kunsilli huma biss logħba politika.
Dawn huma biss ftit mir-reazzjonijiet li tawna n-nies is-Sibt filgħodu meta Net News żar il-Pjazza tal-Għargħur u tkellem mar-residenti dwar il-manuvra li biha il-Labour ħataf il-poter f’dan il-Kunsill Lokali.
Il-Labour ħa f’idejh dan il-Kunsill wara li għadda vot ta’ sfiduċja fis-Sindku Helen Gauci; vot ibbażat biss fuq allegazzjonijiet, u ebda fatti pruvati. Tant li lanqas is-Sindku l-ġdida Mariah Meli ma kienet kapaċi tgħidilna x’sar ħażin mill-amministrazzjoni preċedenti.
Fil-Għargħur, il-PN kien ġab 62 fil-mija tal-voti tan-nies. U issa, il-Partit Laburista – b’appoġġ ta’ minoranza ta’ 38 fil-mija, se jkun qed imexxi dan il-Kunsill Lokali.
Il-PN minn naħa tiegħu għamilha ċara li jekk il-Gvern irid jirrispetta r-rieda tan-nies, għandu immedjatament isejjaħ elezzjoni fil-Għargħur biex jara fejn hi r-rieda tal-maġġoranza.
//= $special ?>