Ambjent Lokali

Protesta kontra żvilupp ta’ bini fir-Rabat

“Teqirdux ir-Rabat”.

Kienet din l-għajta tar-Rabtin meta s-Sibt filgħodu nġabru flimkien mal-għaqdiet ‘Flimkien għal Ambjent Aħjar’ u ‘Moviment Graffiti’ fir-Rabat sabiex jopponu żvilupp massiġġ.

Huma 30 appartament, 10 penthouses, 9 maisonettes, ħanut u 83 garaxx li qed jiġu proposti minflok dar antika li tmur lura għas-seklu 19 f’Tal-Virtù fir-Rabat. U huwa propju għalhekk li numru ta’ għaqdiet flimkien ma’ bosta residenti ħarġu jipprotestaw kontra dan l-iżvilupp fi Triq li twassal għall-Buskett u li preżentament tofri wieħed mill-aktar spazji ħodor sinifikanti f’Malta.

Bil-kelliema li qassmu l-ħsieb tagħhom matul din il-protesta jispjegaw illi dan il-proġett se jkun qed iħalli sfreġju irriversibbli filwaqt li se jħarbat ukoll il-karatteristiċi uniċi tal-lokalità, bir-residenti jargumentaw li dan mhux sempliċiment każ ta’ żvillup żejjed imma att ta’ vandaliżmu kulturali u ambjentali.

John Paul Cauchi f’isem il-Moviment Graffitti saħanistra saħaq illi proġett bħal dan se jkun qed joħloq aktar traffiku.

Dan filwaqt li Lara Bajada Young mill-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar qalet li proġett bħal dan se jaffettwa b’mod negattiv l-kwalità tal-ħajja, u jikkontribwixxi għal iżjed stress u ansjetà lir-residenti u propju għalhekk appellat sabiex jiġu mħarrsa d-drittijiet tar-Rabtin.

Preżenti għal din il-protesta kienu s-Shadow Ministers tal-Partit Nazzjonalista Ian Vassallo u Charles Azzopardi flimkien mal-Minority Leader fil-Kunsill tar-Rabat f’isem il-Partit Nazjzonalista Nazju Cassar.