Tkompli l-wiegħda tal-Partit Nazzjonalista li joffri soluzzjonijiet u pjanar għal ħajja aħjar għall-poplu Malti u Għawdxi quddiem Gvern Laburista li jagħżel jinjora d-diffikultajiet li wieħed jgħaddi minnhom ta’ kuljum. Waqt intervista li kellu fil-programm Analiżi fuq Net Television, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech tkellem dwar il-pjaga tal-għoli tal-ħajja.
“Tħares lejn il-Gvern u tarah jinjora din ir-realtà,” qal Bernard Grech. “Aħna qed nagħtu tama lin-nies li taħt Gvern Nazzjonalista jistgħu jgħixu aħjar.”
Il-Partit Nazzjonalista diġa’ ppreżenta għadd ta’ proposti sabiex din is-sitwazzjoni tkun imtaffa’ xi ftit jew wisq, inkluż il-proposta li t-taxxa fuq l-ewwel €10,000 fuq il-part-time u l-overtime tkun eżenti u allura dawk il-flus jibqgħu fil-but, xi ħaġa li tgħin ukoll l-ekonomija.
Bernard Grech indirizza wkoll il-kwistjoni tal-Kunsill Lokali fil-Għargħur wara li l-Gvern Laburista, bil-barka ta’ Robert Abela, seraq id-dritt tal-Għargħurin.
“Dawn huma nies li ma jirrispettaw lil ħadd u għalhekk irridu niqfulu lil dan il-Gvern,” qal Bernard Grech. “Abela li jaħseb li jista’ jagħmel li jrid bil-Għargħur.”
Nhar l-Erbgħa li ġej, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed juri s-solidarjetà tiegħu lejn Helen Gauci u r-residenti kollha tal-Għargħur wara li din il-lokalità nħatfet mil-Labour.
B’rabta mal-ewtanasja, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li bħalissa għaddejjin bid-diskussjonijiet sabiex ‘il quddiem jippreżentaw il-pożizzjoni tal-Partit dwar dan.
“Aħna niddeċiedu għax inħobbu lill-persuna u b’hekk se nkomplu niddiskutu qabel nagħtu l-pożizzjoni tagħna fuq il-kwistjoni,” qal Bernard Grech.
//= $special ?>