FUTBOL LOKALI – MERIDIANBET FA TROPHY FINAL
Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo
minn Andrè Muscat
BIRKIRKARA………….. 1
HIBERNIANS………. 2
Birkirkara: G. Volpe, M. Cordova, L. Gaitan (G. Gnamien 80’), T. Papazov, A. Satariano, L. Lacunza, N. Micallef, A. Coppola, S. Makoma, M. Maia, J. Agius (K. Reid 61)
Hibernians: P. Sanchez, B. Ribeiro, H. Silas (D. Xuereb 77’), K. Shaw, L. Villela (F. Falcone 90+4’), R. Fraga, N. Carvalho (A. Bruno 64’), J. Degabriele (M. Ellul 64’), B. Kristensen, I. Apostolos, H. Nunes
Skorjaw: I. Apostolos 15’ (H), M. Maia 62’ (B), K. Shaw 79’ (H)
Imwissija: L. Lacunza 17’ (B), H. Nunes 38’ (H), H. Silas 40’ (H), B. Kristensen 44’ (H)
Tkeċċew: A. Coppola
Referee: Malcom Spiteri
Assistenti Referees: James Muscat u Duncan Spencer
Fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali assistejna għall-aħħar logħba tal-istaġun, il-finali tal-FA Trophy bejn Birkirkara u Hibernians. Kienu t-tim Pawlist li spiċċaw rebħu l-aħħar unur tal-istaġun li fih assiguraw post fl-Ewropa għall-istaġun li ġej.
Wara biss 13-il minuta Birkirkara kellhom ikomplu l-partita b’għaxar plejers, meta d-difensur prolifiku tagħhom Alessandro Coppola jwaqqa’ lil Felicio bir-referee Malcom Spiteri ma jkollu l-ebda għażla ħlief li jurih il-karta ħamra diretta.
Kien Ilias Apostolos li nkariga ruħu mill-istess freekick, bil-Grieg jagħti ġmiel ta’ freekick dirett li kien diffiċli għall-goalkeeper Karkariż biex isalva, bil-ballun jispiċċa fix-xibka bit-tim ta’ Raħal Ġdid imur fil-vantaġġ wara biss kwarta logħob.
Man-nofs siegħa logħob Birkirkara viċin li jġibu draw, kien il-Franċiż tal-Yellows Makoma, meta prova x-xutt tiegħu minn distanza ta’ aktar minn ħamsin metru bogħod, bil-goalkeeper Sanchez jintelaq minn tulu biex seta’ jdawwar il-ballun f’corner.
Azzjoni personali taż-żgħażugħ Karkariż Nicholas Agius fis-36 minuta, meta baqa’ dieħel fil-kaxxa Pawlista, biex minn pożizzjoni angolata jfajjar xutt bil-goalkeeper Sanchez isalva b’diffikultà.
Wara tliet minuti logħob fuq l-ewwel 45 minuta, ir-referee Malcom Spiteri jibgħat liż-żewġ timijiet jistrieħu, bit-tim tal-pagun jidħol jistrieħ b’vantaġġ minimu ta’ 1-0 fuq it-tim tal-istripes.
Il-Pawlisti joħorġu jippruvaw jirduppjaw u fid-49 minuta jkun Vilela li bid-dawra jfajjar xutt, iżda Giacomo Volpe jsalva u jdawwar l-istess xutt f’corner.
L-Istripes ikunu perikolużi fit-58 minuta, azzjoni li bdiet minn saqajn Gaitan, bil-ballun jispiċċa f’saqajn Maxuel Maia, fejn il-Braziljan mix-xellug tefa’ cross lejn Gaitan, bit-Taljan waħdu quddiem Sanchez jara x-xutt tiegħu salvat mill-goalkeeper Pawlist.
Hibernians ikunu għal darb oħra perikolużi fit-62 minuta, meta Vilela jara x-xutt tiegħu jgħaddi ftit barra mill-wieqfa ta’ Volpe.
Is-solitu Maxuell Maia jiskorja għall-Istripes, fit-62 freekick dirett mill-isbaħ tal-Brażiljan jispiċċa fl-anglu tax-xibka wara l-goalkeeper Sanchez, biex b’hekk il-Karkariżi, bi plejer inqas fil-grawnd, jirnexxilhom iġibu draw u jitfgħu lill-partitarji tagħhom f’delirju ta’ ferħ.
Hibernians jerġgħu jmoru fil-vantaġġ, din id-darba fid-79 minuta corner mil-lemin ta’ Martinis, ikun l-internazzjonali Malti Kurt Shaw li żmarka ruħu biex bir-ras ma jiżbaljax u tefa’ l-ballun wara Volpe u lit-tim tiegħu lura fil-vantaġġ.
Il-Pawlisti viċin it-tlieta b’wieħed meta kien kontra attakk ta’ Alex Bruno mil-lemin, bil-Brażiljan jitfa’ cross fuq it-tieni lasta fejn Vilela jara x-xutt tiegħu jaħbat mal-wieqfa.
F’logħba mill-aktar kumbatuta mat-tisfira finali tar-referee Malcom Spiteri, kienu l-Pawlisti li wara nuqqas ta’ 12-il sena li rebħu l-FA Trophy għall-istagun 2024/25. B’hekk rajna lill-Karkariżi li f’ġimgħa jitiflu t-tieni finali tagħhom.