Il-Papa Ljun XIV, waqt id-diskors inawgurali bħala l-Kap tal-Kattoliċi, fassal il-prioritajiet pastorali għax-xhur u s-snin li ġejjin fejn enfasizza mill-ġdid il-ħtieġa għall-ugwaljanza u t-tolleranza fuq livell globali.
F’dan id-diskors, fi Pjazza San Pietru (f’Ruma) – li attendew għaliha l-eluf tad-devoti, fosthom personalitajiet distinti minn madwar id-dinja — il-Papa ma naqasx milli jikkritika l-isfruttrar tal-foqra u l-politika perikoluża u diviżiva tal-Mexxejja awtokratiċi li qed iħallu impatt qawwi fuq il-politika internazzjonali.
Il-Papa Ljun, intant, irrepeta l-prioritajiet tal-Papa Franġisku li miet ġimgħat ilu fl-età ta’ 88 sena u fejn ikkritika bil-kbir ‘il-mibgħeda, il-vjolenza, il-preġudizzju u l-biża’ tan-nies li jistgħu jidhru differenti minn dak li jikkostitwixxi dehra normali f’għajnejn il-ħafna’.
Hu rriserva anki kritika għall-mudell ekonomiku li jisfrutta r-riżorsi tad-dinja waqt li jħalli emarġinati lill-aktar komunitajiet fqar fid-dinja.
Preżenti għad-diskors f’Ruma, kien hemm il-Viċi-President Amerikan JD Vance; is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Marco Rubio, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky u l-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola.
Sadanittant, il-Papa qal li jrid jara Knisja Kattolika aktar magħquda, fost awgurju biex in-nies tad-dinja ma jiżolawx ruħhom fi gruppi żgħar inkella jaġixxi qishom xi ‘elit superjuri’…Għaldaqstant, hu qal li beħsiebu jmexxi lill-Kattoliċi tad-dinja ‘mingħajr qatt ma jċedi għat-tentazzjoni li jaġixxi fuq stil awtokratiku’.
Qabel il-quddies, il-Papa beda jdur madwar Pjazza San Pietru bil-popemobile bħala parti mill-programm u fejn għadda wkoll minn Via della Conciliazione u qrib ix-Xmara Tiber qabel irritorna lura fil-Pjazza.
Filwaqt li l-maġġoranza tan-nies fil-folla kienu Kattoliċi, f’Ruma kien hemm ukoll l-eluf tat-turisti ta’ denominazzjoni reliġjuża differenti u li, waqt il-kummenti lill-media, qalu li riedu jkunu preżenti għal ‘din l-okkażjoni storika’.
Dan waqt li l-Kattoliċi intervistati qablu li l-Papa ġdid hu ‘mexxej li jispira l-fiduċja’….’Mexxej li jaf x’jeħtieġu l-knisja u d-dinja u li kapaċi jkollu rwol uniku fit-tentattivi lejn it-tkattir tal-paċi’.
Wara l-quddies, saru ċ-ċerimonji uffiċjali għall-inawgurazzjoni tal-Papa Ljun X1V u fejn libbsuh il-palju waqt li l-Kardinal Filippin, Luis Antonio Tagle. libbislu ċ-Ċurkett tas-Sajjied…Simbolu tat-Tmexxija tal-Knisja u li jinkludi x-xbigħa ta’ San Pietru.
Iċ-ċerimonja konkludiet bil-barka tal-Papa lill-udjenza preżenza, fost l-applawż kbir tal-folol fil-Pjazza.
//= $special ?>