Internazzjonali

Ir-Rumanija: Elezzjoni importanti ħafna għall-futur bħala membru tal-UE u n-NATO

 

 

Il-poplu Rumen qed jivvota fit-tieni rawnd deċiżiv tal-aktar elezzjoni importanti minn meta l-pajjiż ħareġ mill-era komunista wara r-rewwixta storika tal-1989 kontra r-reġim ta’ Nicolae Ceausescu….Elezzjoni li kapaċi tiddeċiedi jekk ir-Rumanija tibqax tħares l-ideali demokratiċi u jekk tkomplix bħala membru integrali tal-Unjoni Ewropea u n-NATO.

F’din l-elezzjoni għall-Presidenza mill-aktar polarizzata, il-poplu qed jagħżel bejn il-kandidat radikali tal-lemin, George Simion, li għandu s-simpatiji mal-President tar-Russja, Vladimir Putin, u r-rivali taċ-ċentru, Nicusor Dan, li hu politiku indipendenti… Elezzjoni li fl-aħħar jiem qanqlet tensjoni kbira u meta rebħa għal Simion kapaċi titfa’ lir-Rumanija f’direzzjoni ferm aktar diffirenti – u imprevedibbli — minn tal-aħħar snin.

Dan ukoll meta Simion u Dan qegħdin jidhru kważi ras-imb-ras skont l-aħħar stħarriġ popolari.

Fl-istess ħin, il-poplu Rumen ilu konxju mill-importanza ta’ din l-elezzjoni, bil-konkorrenza tal-votanti tkun waħda ferm qawwija u sinfikanti fil-pajjiż kif ukoll fost il-membri tad-diaspora Rumena mifruxa madwar l-Ewropa.

Iż-żieda qawwija ta’ votanti, meta mqabbla mal-ewwel rawnd tal-votazzjoni, kienet l-aktar evidenti fost iż-żgħażagħ Rumeni u fost ir-residenti fiz-zoni urbani tar-Rumanija.

Ir-Rumanija, pajjiż Ewropew tal-Lvant, hi importanti ħafna għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-Alleanza tan-NATO… U rebħa għal George Simion – kritiku kbir tal-Alleanza u tal-Unjoni Ewropea – għandha l-potenzjal biex twassal għal theżżiża kbira fil-politika barranija ta’ Bucharest.

‘Ma nistgħux niffaċċjaw il-futur bħala Stat iżolat’

Nicușor Dan, sadanittant, jirrappreżenta lir-Rumeni li jridu li pajjiżhom ikompli jsegwi triqtu bħala parti mill-Unjoni Ewropea u membru tan-NATO …Hu tenna li kien ivvota ‘favur id-direzzjoni Ewropea kif ukoll għall-kooperazzjoni akbar ta’ pajjiżu mal-Istati l-oħra tal-Ewropa’. Dan waqt li hu saħaq li r-Rumanija ma taffordjax li tiffaċċja l-futur bħala pajjiż iżolat mill-kumplament tal-Ewropa.

Sadanittant, George Simion ivvota flimkien mal-ultra-estremista tal-lemin Calin Georgescu li hu diġà dikjarah bħala l-għażla tiegħu għar-rwol ta’ Prim Ministru – dejjem f’każ li  jirbaħ il-Presidenza.

Georgescu, personalità mill-aktar diviżiv, kien il-protagonista fl-elezzjonijiet preċedenti li kienu tħassru fir-Rumaija…Sitwazzjoni li, f’Diċembru, kienet wasslet għal kriżi politika rari f’dan il-pajjiż.

Fl-ewwel kummenti wara li vvota, Simion qal li hu ried iwassal messaġġ ‘kontra l-inugwaljanzi u l-umiljazzjonijiet li ħutu r-Rumeni kienu suġġetti għalihom fir-Rumanija u d-diaspora mifruxa madwar il-kontinent tal-Ewropa’. Hu kompla l-vot tiegħu kien anki ‘kontra l-faqar u l-abbużi, kif ukoll għall-futur tar-Rumanija’.