Lokali

Is-saga tal-bastiment ‘Consience’ tasal fi tmiemha

It-tnax-il persuna li jifformaw l-ekwipaġġ tal-bastiment Consience, se jkunu qed jiddaħħlu f’Malta sabiex immedjatament wara jkunu jistgħu jirkbu titjira li biha se jkunu qed imorru lura lejn arthom.

Dan hekk kif kien hemm żvolta finali b’rabta ma’ dan il-bastiment li ilu għal jiem sħaħ wieqaf bejn sema u ilma barra t-territorju Malti.

Il-Gvern spjega li tul il-jum tal-Ħadd sid il-bastiment ipprovda tug boat li waslet biswit il-bastiment Consience bil-għan li din tirmonkah. Għalhekk illum il-bastiment ma baqax ankrat fuq Hurd’s Bank u ttieħed lejn post ieħor fil-Mediterran.

Intant ġew irringrazzjati il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tat-Turkija u l-Ambaxxata Tork f’Malta.