Futbol Sport

Kummenti esklussivi ta’ Legrottaglie, Birindelli, Di Livio u Torricelli fil-konferenza tal-50 sena anniversarju tal-Juventus Club Vero Amore

(Ritratt: Martin Agius)

Neil Camenzuli

Fil-konferenza stampa organizzata mill-Juventus Club Vero Amore għall-okkażjoni tal-50 sena anniversarju, dan is-sit kellhu ċ-ċans li jsaqsi 4 eks plejers ta’ Juventus li kienu Nicola Legrottaglie, Alessandro Birindelli, Angelo Di Livio u Moreno Torricelli.

Net News tkellem ma’ Angelo Di Livio, plejer li kien involut fl-aħħar tim ta’ Juventus li rebaħ l-UEFA Champions League. Di Livio bħala plejer kien magħruf għad-dedikazzjoni u l-grinta tiegħu. Mistoqsi fuq kemm hu mportanti l-aspett mentali fil-futbol, Di Livio qal li huwa mportanti f’kwalunkwe sport. Di Livio tkellem fuq kif fil-mumenti diffiċili, wieħed m’għandu jaqta qalbu qatt.

Jitkellem fuq it-tim attwali ta’ Juventus, Di Livio jgħid li t-tim kurrenti huwa nieqes totalment mill-DNA Juventina. Huwa qal li l-unika żewġ plejers li jasal jgħid jogħġbuh huma Federico Gatti u Manuel Locatelli, u qal li għandhom ikunu l-Captains tat-tim.

Di Livio lagħab 269 darba ma’ Juventus (Ritratt: Martin Agius)

Kien intervistat ukoll Moreno Torricelli, plejer b’storja affaxxinanti. Huwa ġie mistoqsi fuq kif minn Mastrudaxxa, wasal biex lagħab mal-akbar klabb fl-Italja, u saħansitra rebaħ il-UEFA Champions League fl-1996. Torricelli ammetta li hija storja mill-ibsaħ, u qal li huwa kien iffissat fuq il-futbol, u kien jilagħbu kullimkien, anke mad-dilettanti. Torricelli qal biex wieħed jasal fejn wasal huwa, irid ikun konsistenti u ma jaqta qalbu qatt. Huwa ukoll qal li kien fortunat li ltaqgħa ma’ Giovanni Trapattoni u l-kowċ kellu fiduċja fih, li ma kienitx faċli minħabba l-karattru iebes li kellu.

Torricelli qal li l-futbol tal-lum inbidel, u sar inqas ta’ saħħa u b’inqas kuntatt.

Mareno Torricelli lagħab 230 logħba ma’ Juventus (Ritratt: Martin Agius)

L-eks difensur laterali Alessandro Birindelli għamel 11-il sena jilagħab mal-Bianconeri, u hu qal li minkejja li lagħab f’mumenti diffiċili tal-klabb, speċjalment anke fl-2006 meta l-Bianconeri ġew relegati għas-Serie B, ma jbiddel din l-esperjenza ma xejn, għax kabbritu bħala plejer u bħala bniedem.

Alessandro Birindelli lagħab 305 partita ma’ Juventus (Ritratt: Martin Agius)

Mistoqsi fuq iż-żmien li lagħab ma’ Juventus, Nicola Legrottaglie tkellem fuq kif minkejja li kien żmien kumplikat għalih u għal Juventus, kien bla dubbju l-isbaħ żmien tal-karriera tiegħu, fejn hemm tgħallem ħafna.

L-eks difensur ċentrali huwa magħruf għall-fidi kbira li għandu, meta kien mistoqsi fuq kif affetwatu matul il-karriera tiegħu, Legrottaglie tkellem fuq il-valuri ta’ Kristu, u kif huma gwida ta’ kif wieħed għandu jgħix il-ħajja tiegħu, speċjalment meta jaslu l-mumenti diffiċli f’ħajtek. Huwa kompla jgħid li kull darba li affaċja l-problemi f’ħajtu, ħares lejn it-tgħallim ta’ Kristu biex jiggwidah il-quddiem. Huwa qal li propju l-isbaħ mument tal-karriera kien il-gowl li skorja kontra Reggina fit-tim Juventin immexxi minn Ranieri, fejn dak iż-żmien huwa kien beda l-mixja tiegħu lejn ir-Reliġjon.

Legrottaglie tkellem ukoll fuq il-kariga riċenti li kellu bħala Direttur Tekniku ma’ Sampdoria. Huwa qal li jiddispjaċih li klabb storiku bħas-Sampdoria ġew relegati għas-Serie C, madankollu konvint li jerġgħu jsibu saqajhom u jiksbu l-promozzjoni lura.

Nicola Legrottaglie lagħab 154 logħba ma’ Juventus (Ritratt: Martin Agius)

Fil-kummenti konklussivi, il-President tal-Juventus Club Vero Amore, Joseph Fenech, irringrazja lill-membri kollha u lil sħabu tal-kumitat ta’ din l-attività u ta’ dan it-tragward storiku tal-50 sena anniversarju ta’ wieħed mill-ikbar klabbs tas-sapporters Juventini fid-Dinja. Fenech irringrazja ukoll lil dawn l-erbgħa plejers, mhux biss talli ġew jiċċelebraw dan it-tragward mas-sapporters Maltin, iżda tad-disponabiltà tagħhom lejn is-sapporters f’kull avveniment li kellhom.

Mument ħelu bejn Torricelli u l-President Joseph Fenech waqt il-konferenza (Ritratt: Martin Agius)

Martin Agius