Student ta’ 23 sena, li jattendi l-MCAST u li kien jaħdem f’ħanut tal-laħam ma nstabx ħati li weġġa’ lir-raġel ta’ klijenta li marret tilmenta dwar il-kwalità tal-laħam li begħlu wara li l-Qorti kkonkludiet li dak li għamel l-akkużat wettqu biex jiddefendi lilu nnifsu mill-aggressjoni.
Achuil Abdalla, Sudaniż, residenti San Ġwann, ma nstabx ħati li wettaq dan ir-reat fil-15 ta’ Awwissu 2024, f’ħanut tal-laħam f’Raħal Ġdid, ikkaġuna ġrieħi gravi fuq raġel u li kkaġuna ħsara fil-ħanut b’dannu għal sidu.
Il-Pulizija bdiet tinvestiga lill-akkużat wara li sid il-ħanut għamel rapport li impjegat tiegħu kellu argument ma’ xi klijenti li kissrulu xi affarijiet. Meta l-pulizija marru fuq il-post sabu xkaffa ml-art, diversi prodotti mxerrdin u demm tal-laħam. Meta kellmu lill-akkużat dan qalilhom li daħlet klijenta mara li lmentat dwar ir-riħa tal-laħam.
Tenna li wara raha qisha se tirremetti u din ħatfet kaxxa tal-ħwawar u ħarġet tiġri barra fejn ipprova jeħdilha l-ħwawar. Dak il-ħin hija qaltlu li kienet Musulmana u ma setax imissha. Abdalla żied jgħid lill-Pulizija li wara mar żewġha u qabdu minn għonqu u staqsih għaliex kien insulenta lil martu u spiċċaw jagħtu bil-ponn qabel mar-raġel ħarab.
L-allegat vittma għażel li ma jixhidx peress li anke huwa kien qed jiffaċċja akkużi kriminali dwar l-inċident u għalhekk il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qieset primarjament ir-rapporti li saru lill-pulizija. Hija kkonkludiet li mill-provi jirriżulta li l-akkużat kien għall-affari tiegħu fil-ħanut meta ġie ffaċċjat minn raġel li mar għas-sodisfazzjoni.
Tenniet li l-għemil tal-akkużat kien ipprovokat minn dak tal-allegat vittma u żiedet li tinsab moralment konvinta li kellu jiddefendi lilu nnifsu kontra l-aggressjoni li ġiet fuqu għall-għarrieda. Għal dawn ir-raġunijiet illiberatu.
//= $special ?>