Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, dalgħodu ħabbar li nhar l-Erbgħa se ssir attività ta’ solidarjetà mal-Għargħurin wara l-attakk fuq id-demokrazija li rajna fil-Kunsill Lokali tal-lokalità.
Nhar l-Erbgħa fis-6.30pm, il-Partit Nazzjonalista qed isejjaħ lin-nies sabiex jinġabru quddiem il-Każin tal-Partit Nazzjonalista sabiex isemmgħu leħinhom kontra min qed jattakka u jkażbar id-demokrazija.
Bernard Grech qal li filwaqt li f’Ħal Għargħur, is-Sindku eletta demokratikament Helen Gauci ġabet aktar voti waħidha milli ġabu f’daqqa t-tliet Kunsilliera li neħħewha, il-Partit Laburista qed imur kontra r-rieda tal-maġġoranza u jrid jikkmanda hu billi impona vot ta’ sfiduċja li kien motivat politikament.
Huwa kompla jgħid li din hija daqqa oħra lid-demokrazija, u jekk il-Labour jemmen tassew fil-poplu, u jekk verament jaħseb li l-maġġoranza ta’ 62% tal-voti li kiseb il-PN f’Ħal Għargħur ma għadhiex hemm, allura għandu jħalli lin-nies jitkellmu mill-ġdid permezz ta’ elezzjoni ġdida biex ikunu jistgħu jiddeċiedu huma.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hu se jkun preżenti f’Ħal Għargħur nhar l-Erbgħa biex jiltaqa’ mar-residenti u jibgħat messaġġ ċar li l-poplu għandu l-aħħar kelma, mhux min ikun fil-poter.
//= $special ?>