Lokali Qorti

Rumen jinġieb mill-Italja u jiġi mixli b’serq ta’ ‘mobile phones’ valur ta’ €180,000

Rumen ta’ 34 sena baqa’ miżmum taħt arrest wara li tressaq b’urġenza l-Ħadd fil-Qorti quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, b’rabta ma’ sensiela ta’ serq ta’ ‘mobile phones’, li jiswew madwar €180,000, minn diversi ħwienet.

Iulian Dinca, li qal li l-professjoni tiegħu hi dik ta’ mekkanik, kien arrestat il-Ġimgħa filgħaxija f’Ruma wara li kien inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew. Huwa kien mixli b’serq minn ħwienet tal-mobile phones f’Birkirkara u Ħal Qormi, li kkaġuna ħsara fihom waqt is-serq.

Dinca wieġeb mhux ħati għal dawn l-akkużi madankollu d-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk baqa’ arrestat u fi tmiem il-kawża intbagħat il-ħabs. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Brendan Hewer u Andrea Zammit mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispetturi Lydon Zammit u Joseph Mercieca.

Il-prosekuzzoni qalet li r-raġel kien identifikat mill-Pulizija Maltija wara investigazzjonijiet intensivi b’rabta ma’ sensiela ta’ serq minn diversi ħwienet. Il-Pulizija qalet li temmen li Dinca jifforma parti minn grupp ta’ kriminalità organizzata.

Is-serq seħħ fis-sajf tal-2023 bil-ħallellin sgassaw il-bieb ta’ barra tal-ħwienet u f’temp ta’ sekondi battlu l-ixkaffef mill-mowbajls. Il-Pulizija Maltija stabbiliet li dawk involuti x’aktarx huma Rumeni u minnufih inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew.

F’Jannar li għadda wieħed mill-ħallellin ġie identifikat u kien arrestat fir-Rumanija fejn ġie estradit lejn Malta. Iż-żagħżugħ ta’ 27 sena kien tressaq fil-Qorti u baqa’ miżmum taħt arrest. Il-Pulizija kompliet tinvestiga biex tara x’sar minnhom il-bqija tal-membri tal-grupp sakemm il-Ġimgħa, ġie arrestat fil-belt kapitali Taljana – it-tieni Rumen fejn inġieb Malta u tressaq fil-Qorti.