Internazzjonali

Skont l-FBI l-isplużjoni fatali ħdejn klinika tal-fertilità f’Palm Springs kienet att ta’ terroriżmu

Splużjoni kawżata minn bomba barra klinika tal-fertilità f’California, qatlet persuna u darbet erbgħa oħra, f’dak li l-uffiċjali tal-FBI irreferu għalih bħala ‘att intenzjonat ta’ terroriżmu’ f’konferenza stampa s-Sibt.

L-isplużjoni seħħet ftit qabel il-11:00am ħin lokali, inqas minn mil ‘il bogħod miċ-ċentru ta’ Palm Springs ħdejn diversi negozji, fosthom l-American Reproductive Centers (ARC). Il-klinika qalet li ħadd mill-istaff jew il-pazjenti tagħha ma weġġgħu.

Il-FBI aktar tard qalet li għandha persuna ta’ interess fil-investigazzjoni tagħha, iżda l-pulizija bħalissa mhumiex attivament ifittxu lis-suspettat.

Akil Davis, il-Kap tal-Uffiċċju Reġjonali tal-FBI f’Los Angeles sostna li l-investigazzjoni tagħhom se tiddetermina jekk huwiex terroriżmu internazzjonali jew domestiku.

Il-Kap tal-Pulizija ta’ Palm Springs, Andy Mills, qal li l-isplużjoni għamlet il-ħsara ‘l bosta bini, xi wħud serjament. Żied jgħid li l-identità tal-persuna li nqatlet għadha mhux magħrufa.

L-ARC f’Palm Springs qalet li l-isplużjoni seħħet fil-parkeġġ ħdejn il-bini tagħha. Filwaqt li s-Sindku ta’ Palm Springs, Ron De Harte, qal lil CBS News li s-sors tal-isplużjoni kien f’vettura jew qrib tagħha.

Il-klinika tal-fertilità assigurat li l-laboratorju tagħha, inklużi l-bajdiet u l-embrijuni kollha, baqgħu kompletament siguri u bla ħsara, filwaqt li huma qed jagħmlu spezzjoni sħiħa tas-sigurtà u kkonfermaw li l-operat tagħhom u ż-żoni mediċi sensittivi ma ġewx affettwati mill-isplużjoni.

Iżda t-tabib Maher Abdallah, li jmexxi l-klinika, qal lill-Associated Press li l-uffiċċju tagħha ġarrab xi ħsarat.

Il-Gvernatur ta’ California, Gavin Newsom, qal li l-istat qed jaħdem flimkien mal-awtoritajiet lokali u federali, filwaqt li l-Prosekutur Ġenerali Amerikan, Pam Bondi, qalet li ġiet informata dwar l-inċident.