Internazzjonali

Ftehim sinifikanti bejn l-UE u r-Renju Unit –b’aċċenn partikulari għad-difiża f’dinja li qed tinbidel

L-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit ħabbru ftehim ġdid bejniethom li jkopri s-setturi tal-ikel, is-sajd, id-difiża u l-proċessi għall-iscreening tal-passaporti għal sigurtà akbar.

Il-patt komuni u formali dwar is-sigurtà jesiġi biex l-uffiċjali Britanniċi u tal-UE jiltaqgħu kull sitt xhur biex jiddiskutu issues ta’ difiża u l-politika barranija.

In-naħat rispettivi għandhom anki jikkoordinaw bejniethom dwar sanzjonijiet, filwaqt li jaqsmu aktar informazzjoni fost l-iżvilupp ta’ politika għas-sigurtà relatata mal-ispazju. Il-Britanniċi se jkunu jistgħu anki jibbenefikaw mill-patt ġdid biex jingħataw aċċess għall-fondi tal-UE għall-iżvilupp tad-difiża.

Għalkemm ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea għadhom marbutin bil-kundizzjonijet ta’ Brexit, il-Prim Ministru Britanniku, Keir Starmer,qal li dan il-ftehim –li d-dettalji tiegħu ħarġu qabel summit li sar bejniethom fl-aħħar sigħat –ifisser ‘rebħa għaż-żewġ naħat’. Dan meta l-osservaturi qed jindikaw li r-Renju Unit jidher li mill-ġdid qed javviċina lill-Ewropa fi żmien ta’ sfidi akbar fuq livell ġeopolitiku.

Grazzi għall-ftehim, il-Britanniċi li jitilqu mill-pajjiż għall-btala se jkunu jistgħu jużaw l-e-gates huma u jivvjaġġaw madwar il-pajjiżi tal-UE – għalkemm mhux ċar meta dan se jsir effettiv.

L-e-gates huma s-sistemi li jużaw id-data miġbura fil-passaporti biometriċi biex jivverifikaw l-identità tal-persuna fil-pussess tal-passaport….B’din is-sistema saret aktar faċli għall-iscreening tal-persuni fis-sezzjonijiet tal-ajruport indikati għall-‘arrivals’ u ‘departures’.

Fir-rigward tas-sajd, il-ftehim ġdid  qed jippreserva l-istatus quo li jippermetti biex id-dgħajjes tal-Istati-membri tal-Unjoni Ewropea jkomplu jingħataw aċċess għall-ibħra tar-Renju Unit sal-2038. Dan meta Kemi Badenoch, bħala l-Kap tal-Konservattivi fl-Oppożizzjoni, qed tixli lill-Gvern ta’ Starmer dwar it-tradiment tas-sajjieda Britanniċi.

Fl-istess ħin, il-ftehim ġdid qed jiffaċilita l-kummerċ tal-ikel bejn il-fruntieri tal-UE u r-Renju Unit u li kien fost l-aktar issues problematiċi waqt in-negozjati ta’ snin ilu relatati ma’ Brexit.