Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, għamilha ċara li pajjiżu beħsiebu jaħtaf il-kontroll fiz-zoni kollha ta’ Gaza bħala ‘strateġija sikura’ lejn l-eliminazzjoni tat-theddida terroristika mill-Ħamas.
Sadanittant, l-Iżraeljani se jippermettu biex ir-residenti ta’ Gaza jirċievu ammont limitat ħafna ta’ ikel wara assedju ta’ 11-il ġimgħa li kaġuna tbatija kbira għall-poplu Palestinjan mifni bil-ġuh….Tattika tal-Iżraeljani li qed tkun imfissra bħala ‘arma tal-gwerra inaċċettabbli’.
Sadanittant, Netanyahu qal li l-qawwiet tiegħu se jaċċertaw li t-terroristi tal-Ħamas ma jisirqux l-għajnuna destinata għall-familji Palestinjani….Dan wara li Iżrael ilu jakkuża lill-Ħamas b’li kien qed iħomm għalih il-provvisti li suppost kellhom jgħaddu liċ-ċivili fl-artijiet inkwistjoni.
L-Iżraeljani, sadanittant, infurmaw lin-Nazzjonijiet Uniti dwar l-intenzjonijiet tagħhom wara r-rapporti dwar in-nuqqas akut tal-ikel f’Gaza.
U meta tkellem dwar l-aħħar żviluppi, Benjamin Netanyahu, waqt messaġġ fuq video, insista li Iżrael għadu għaddej bil-battalji ‘intensivi u sostanzjali’ mal-Ħamas u fejn qed jirreġistra progress notevoli.
Netanyahu spjega li l-assedju tal-aħħar ġimgħat fuq Gaza kien neċessarju biex pajjiżu jilħaq it-tragwardi militari u meta, fi kliemu, ‘l-ebda qawwa barranija ma kienet se tgħin lil Iżrael biex jeqred it-theddida terroristika fuq l-għatba tiegħu’.
Hu kompla li Iżrael, issa, iddeċieda biex jipprovdi l-għajnuna umanitarja ‘minima’ lill-familji Palestinjani waqt li jaċċerta li din l-għajnuna ‘ma tinħatafx bħas-soltu mill-Ħamas’.
Fl-aħħar sigħat ukoll, ir-residenti f’Khan Younis u l-madwar kienu mwissija biex jevakwaw minn dawk l-inħawi ta’ Gaza qabel offensiva ġdida mill-qawwiet Iżraeljani….It-twissja kienet għal ‘evakwazzjoni immedjata’, bl-uffiċjali tal-Armata Iżraeljana jirreferu għal ‘assalt bla preċedent ( fi stadu ta’ ippjanar) fuq il-faċilitajiet tal-organizzazzjonijiet terroristi’.
Dan meta l-belt ta’ Khan Younis, din il-ġimgħa, mistennija tispiċċa bħala ‘zona ta’ kumbattimenti kontinwi u bla heda’.
L-Iżraeljani, fi tmiem il-ġimgħa, bdew azzjonijiet militari estensivi mill-art waqt li fl-aħħar sigħat ikkonċentraw il-bumbardamenti mill-ajru fuq iz-zoni ta’ Gaza
Intant, il-kelliema għall-isptarijiet f’Gaza qalu li ‘il fuq minn 100, fosthom għexieren ta’ tfal, tilfu ħajjithom b’kaġun ta’ dawn l-attakki fi spazju ta’ 24 siegħa.
Intant, Iżrael għadu qed jagħmel l-almu tiegħu biex jeħles lill-ostaġġi li t-terroristi tal-Ħamas għadhom qed iżommu fil-Medda ta’ Gaza.
L-ostaġġi kienu nħatfu waqt l-attakki storiċi tal-2023 mill-Ħamas fuq Gaza, bl-Iżraeljani jindikaw li fadal biss madwar 23 ħajjin minn fost l-aħħar grupp ta’ 58 Iżraeljani li ilhom għal dan iż-żmien kollu miżmuma priġunier f’labirint tal-mini taħt l-art.
//= $special ?>