Lokali Parlament

Il-Gvern qed jikser il-liġijiet tax-xogħol li qed jagħmel hu stess

Ivan Castillo, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo qal fil-Parlament li l-gvern qed jikser il-liġijiet tax-xogħol li qed jagħmel hu stess.

Hu qal li l-viżjoni ekonomika tal-Gvern kienet ibbażata biss fuq l-imprortazzjoni ta’ ħaddiema bl-eluf tant li kien hawn abbużi kbar fis-settur. Il-prekarjat mhux spiċċa iżda kiber bil-kbir tant li l-gvern qed ikolu jdaħħal liġi li taħseb għal din is-sitwazzjoni. Il-liġi qed tinsa diversi problemi li hemm fis-settur, sostna Ivan Castillo, li qal li s-sidien m’għandhomx jitpoġġew kollha fl-istess keffa.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar il-migration policy u qal li kellha ssir diskussjoni biex dawn ikunu megħjuna biex itejbu dak li għandu jkun indirizzat. Hu semma’ diversi abbużi li qed jiffaċċjaw il-ħaddiema li anki jkunu mhedda u jispiċċaw ma jiħdux il-leave li hu bi dritt tagħhom.

Ivan Castillo qal li l-gvern irid jiftakar li hu l-ikbar employer fil-pajjiż iżda qed ikun hu sess li jikser din il-liġi. Dan minħabba li hemm ħaddiema li jaqgħu taħt is-superviżjoni tiegħu li mhumiex jibbenefikaw mill-prinċipju tal-istess paga għall-istess xogħol.

Hemm 15,000 ħaddiem li jistgħu jkunu effettwati minn din il-liġi u li l-kundizzjonijiet tagħhom mhumiex kif suppost. Il-gvern irid iwaħħal il-multi lill-privat meta hu stess qed jikser il-liġi, sostna Ivan Castillo, li kompla li dan qed tgħidu l-UĦM.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li ħaddiema llum jista’ jagħżel li jmur it-tribunal industrijali u qal li għandu jiżdied it-terminu ta’ erba’ xhur biex tinfetaħ kawża għaliex dan hu ftit wisq. Dan biex il-ħaddiema jkollhom id-drittijiet salvagwardjati.

Hu kkritika l-fatt li t-Tribunal Industriali jdum madwar 10 snin biex itemm il-proċeduri. Jeħtieġ li l-persuni involuti jkunu informati dwar dak li jkun qed iseħħ fil-każ tiegħu. Il-maġġoranza tal-liġijiet li qed iressaq il-Gvern huma direttivi tal-UE u l-Parlament għandu obbligu li jwettaqhom.