Il-prezzijiet f’Malta qed ikomplu jogħlew b’rata ogħla minn dawk ta’ bosta pajjiżi oħra. L-aħħar statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ppubblikata llum turi li f’April il-ħajja kompliet togħla meta mqabbel ma’ Marzu, u fost l-akbar żidiet reġistrati kien hemm dawk tal-prezzijiet tal-ikel.
Fi stqarrija, ix-Shadow Minister Ivan Castillo qal li l-għoli tal-ħajja qed jgħakkes lil bosta Maltin u Għawdxin. Ir-responsabbiltà ewlenija tal-għoli tal-ħajja f’pajjiżna hija l-politika li ħaddan il-Gvern Laburista f’dawn l-aħħar 12-il sena u l-mudell ekonomiku li adotta, u li issa hu stess qed jammetti li falla.
Dan flimkien mat-tberbiq ta’ flus il-poplu bla rażan u bla kontroll. Filwaqt li l-ħaddiema u n-negozji qed jippruvaw jaraw kif se jwasslu, il-Gvern qed ikompli jkun galantom bi flusna.
Fil-verità Robert Abela ma għandux soluzzjoni għall-għoli tal-ħajja, u l-Labour qed juri ta’ kuljum li mhux qed iħoss il-polz tal-poplu.
Filwaqt li min qed ibati qed ikompli jsofri u l-familji qed ikomplu jieħdu daqqa ’l isfel, il-Gvern ta’ Robert Abela jibqa’ ċass u bla soluzzjonijiet quddiem il-prezzijiet dejjem jogħlew.
Għall-kuntrarju, il-Partit Nazzjonalista anke mill-Oppożizzjoni qed iressaq proposti konkreti – miżuri li l-Gvern qed iwarrab fil-ġenb kif għamel meta vvota fil-Parlament kontra l-Mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex jiġi indirizzat l-għoli tal-ħajja.
Is-soluzzjonijiet li ressaq il-PN biex jindirizza din l-isfida jinkludu li:
- Titneħħa t-taxxa fuq l-ewwel €10,000 li ħaddiem jaqla’ mill-part-time u mill-overtime;
- Iż-żieda tal-għoli tal-ħajja (COLA) ma tibqax taxxabbli;
- Il-Gvern jagħti tax credits lil min iħaddem biex dan ma jkollux jerġa’ jgħolli l-prezzijiet biex jagħmel tajjeb għaż-żieda tal-għoli tal-ħajja;
- Jinħoloq Fond Nazzjonali li jappoġġja lill-industrija li timporta jew tesporta biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż li jħallu impatt fuq l-għoli tal-ħajja;
- Gvern ġdid Nazzjonalista jara li pajjiżna jkollu mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda, li joħolqu xogħlijiet ta’ kwalità u li jħallsu aktar lill-ħaddiema tagħna.
Ix-Shadow Minister Ivan Castillo qal li huwa b’hekk biss li nistgħu nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin, li ma titkejjilx mit-tkabbir nazzjonali tal-Prodott Gross Domestiku, imma mil-livell tal-għajxien ta’ kull individwu.
//= $special ?>