Lokali

Il-kumpanija sigrieta Egrant kienet ta’ “klijent speċifiku”

Inkjesta li investigat korruzzjoni fil-Gvern Laburista kkonfermat li l-kumpanija sigrieta Egrant kienet infetħet għal klijent speċifiku. Dan ġie żvelat mit-Times of Malta, li qed tikkwota email li turi kif l-intenzjoni ta’ Nexia BT kienet li tinxtara din il-kumpanija għal klijent partikolari.

Skont l-istess ġurnal, l-investigaturi sabu korrispondenza mill-2013 – is-sena li fiha tela’ l-Labour fil-Gvern. Din l-email tindika li Karl Cini kienet ġietu opportunità jbiegħ waħda mill-kumpaniji li kien akkwista fil-Panama – iżda żammha għandu.

Il-presuna interessata kienet klijent Taljan; iżda Nexia BT iddeċidew li ma jbiegħux il-kumpanija lilu – prova oħra li turi li Egrant kienet destinata għal xi ħadd partikolari, għaliex ma ridux jitilqugħa minn idejhom.

Karl Cini u Brian Tonna – flimkien ma’ Konrad Mizzi u Keith Schembri – ilkoll qed jaffaċċjaw akkużi marbutin ma’ tixħim. Il-każ huwa dwar il-famuża power station tal-Electrogas, li kienet il-proposta-stilla tal-Partit Laburista biex ħa l-poter f’idejh.

Fl-2021, inkjesta oħra separata – din id-darba dwar il-bank Pilatus – kienet indikat li għandhom isiru investigazzjonijiet ulterjuri biex wieħed jiskopri ta’ min kienet verament il-kumpanija Egrant.

Oriġinarjament, l-Inkjesta Egrant kienet sabet li kellha tinħoloq kumpanija misterjuża fil-BVI li kienet 100% tal-Gvern Malti.

Din il-kumpanija kellha l-għan li tkun l-unika kumpanija li tinnegozja maċ-Ċina. Il-Maġistrat kien irrakkomanda li din tiġi investigata.

Apparti minn hekk, kien ħareġ li Keith Schembri sellef mal-€100,000 li Brian Tonna. U li fis-safe ta’ Pilatus kien hemm dokumenti marbuta ma’ Keith Schembri.