Is-Super One jibqa’ jinżel f’livell baxx. Tant li issa, spiċċa jittimbra lir-residenti tal-Għargħur bħala “ċorma Nazzjonalisti”.
F’artiklu ppubblikat fi tmiem il-ġimgħa mill-editur tal-midja Laburista Josef Caruana, is-Super One attakka lin-nies tal-Għargħur li tkellmu apertament kontra l-mossa tal-Labour li ħataf dan il-Kunsill Lokali. Bl-istazzjon jingħata struzzjonijiet ċari sabiex jibqa’ għaddej bir-retorika li tambar fuqha Robert Abela fl-aħħar jiem, meta mar kontra r-rieda ċara tal-maġġoranza assoluta tar-residenti tal-Għargħur.
Filwaqt li fil-Għargħur, is-Sindku eletta demokratikament Helen Gauci ġabet aktar voti waħidha milli ġabu f’daqqa t-tliet kunsillieri li neħħewha mill-kariga, il-Partit Laburista qed imur kontra r-rieda tal-maġġoranza u jrid jikkmanda hu billi impona vot ta’ sfiduċja li kien motivat politikament.
Huwa propju għalhekk li nhar l-Erbgħa fis-6.30pm, il-Partit Nazzjonalista qed isejjaħ lin-nies sabiex jinġabru quddiem il-Każin tal-Partit Nazzjonalista sabiex isemmgħu leħinhom kontra min qed jattakka u jkasbar id-demokrazija.
Il-Ħadd, Bernard Grech insista li jekk il-Labour jemmen tassew fil-poplu, u jekk verament jaħseb li l-maġġoranza ta’ 62% tal-voti li kiseb il-PN f’Ħal Għargħur ma għadhiex hemm, allura għandu jħalli lin-nies jitkellmu mill-ġdid permezz ta’ elezzjoni biex ikunu jistgħu jiddeċiedu huma.