Internazzjonali

Il-Portugall: Jirbaħ il-partit ta’ Montenegro, bis-Soċjalisti jsofru disfatta storika

Il-Partit tal-Alleanza Demokratika fil-Gvern rebaħ l-elezzjoni nazzjonali bikrija għal tielet trijonf fi tliet snin – iżda, fl-istess ħin, naqas milli jikseb maġġoranza.

Il-Kap tal-Partit – u Prim Ministru – Luis Montenegro wiegħed lis-sostenituri tiegħu li jistimola l-investiment bħala parti minn pjan ewlieni tal-Gvern waqt li jiggarantixxi ‘l-prosperità u l-ġustizzja soċjali’ għal kull qasam tas-soċjetà Portugiża.

L-elezzjoni, fl-istess ħin ħin, kienet umiljazzjoni storika għas-Soċjalisti Portugiżi li spiċċaw it-tieni u meta fl-aħħar sigħat, Pedro Nuno Santos irriżenja mit-tmexxija tal-Partit.

Fil-fatt, is-Soċjalisti tant tilfu siġġijiet li spiċċaw ras imb ras mal-Partit Chega; entità estremista tal-lemin u partit ġdid fix-xena politika tal-Portugall.

Hemm anki l-possibbiltà li s-Soċjalisti jispiċċaw wara Chega jekk kemm-il darba jkompli t-trend għall-emorraġija tal-voti  għas-Soċjalisti ladarba  jingħaddu l-voti mitfugħin barra l-Portugall.. Proċess li għandu jieħu ftit tal-ġranet oħra,

Fil-fatt, fl-elezzjoni tas-sena li għaddiet fil-Portugall, is-Soċjalisti kienu kisbu biss siġġu wieħed mill-erbgħa li jkunu deċiżi minn din il-fażi finali tal-proċess elettorali – u bil-Partit Chega itella’ żewġ deputati oħra.

Min-naħa tiegħu, André Ventura, bħala l-Kap tal-Partit Chega, qed jgħid li r-riżultat għall-partit tiegħu jimmarka t-tmiem tad-dominju tal-politika Portugiża miż-żewġ partiti tradizzjonali. Dan wara li l-kampanja ta’ Chega, fost oħrajn,  iffukat primarjament fuq l-issues tal-immigrazzjoni u l-korruzzjoni.