Roberta Metsola f’laqgħa mal-Assoċazzjoni tal-persuni b’Down Syndrome
Il-President tal-Parlament Ewropew u MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola qalet li jeħtieġ nirriflettu fuq x’nistgħu nagħmlu aktar biex niżguraw inklużjoni vera fis-soċjetajiet tagħna u biex ngħelbu l-ostakli kollha li għadhom ixekklu opportunitajiet indaqs għal kulħadd.
Hija qalet dan waqt laqgħa li kellha ma grupp ta’ żgħażagħ u l-ġenituri tagħhom li jiffurmaw parti mill-Assoċazzjoni Maltija tal-persuni b’Down Syndrome fi żjara li għamlu fil-Parlament Ewropew fi Brussell.
Il-President Metsola qalet li dawn iż-żgħażagħ huma ta’ ispirazzjoni u determinazzjoni kbira. “Ma jaqtgħu qalbhom qatt minkejja l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom kuljum. Smajthom, fhimt kif il-ħiliet tagħhom jistgħu jiġu żviluppati aktar, tkellimna dwar kif jistgħu jilħqu l-potenzjal tagħhom,” qalet il-President Metsola.
Hija wegħdithom li se tibqa’ taħdem favur aktar ugwaljanza, “biex ikun żgurat li kulħadd igawdi mill-istess opportunitajiet, mill-istess drittijiet, mingħajr diskriminazzjoni. Din hi l-Ewropa li nemmnu fiha. Din hi l-Ewropa li se nibqgħu nistinkaw għaliha.”
//= $special ?>