Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li kkaġuna ġrieħi gravi fuq persuna f’San Ġiljan

Serb ta’ 45 sena ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli li kkaġuna feriti gravi fuq raġel f’San Ġiljan. Velkjo Jovanovic tressaq il-Qorti b’numru ta’ ġrieħi f’ġismu fosthom f’wiċċu u jdejh li kienu wkoll imfaxxati.

Il-prosekuzzjoni qalet li nhar is-Sibt filgħodu l-Pulizija mill-għassa ta’ San Ġiljan irċeviet informazzjoni li fi Triq il-Qaliet San Ġiljan kien seħħ argument bejn żewġt irġiel. Il-Pulizija tad-distrett marret fuq il-post u sabu żewġ persuni maskili li kellhom ġrieħi ta’ natura gravi.

Huma ġew arrestati fejn mill-ewwel ġiet nformata l-Maġistrat tal-Għassa Charmaine Galea li ordnat l-arrest. L-akkużat u l-allegat vittma ittieħdu l-isptar Mater Dei u sadanittant il-Pulizja kienet kisbet filmati li wrew li lill-akkużat jattakka lil persuna l-oħra. Il-prosekuzzjoni għaddiet ritratt lill-Qorti tal-vittma.

Jovanovic ġie mixli li kkaġuna ġrieħi gravi fuq raġel mill-Ġorġja, li uża vjolenza, li kien fis-sakra u dejjaq lin-nies, li qal kliem oxxen, li nġurja lill-vittma, kiser il-paċi pubblika u li mbotta u nsulenta lir-raġel waqt il-ġlieda.

L-Avukat Matthew Xuereb, li flimkien mal-Prokoratur Legali Sandro Camilleri għamel talba għall-ħelsien mill-arrest fuq il-binarji għax għandu residenza fissa f’Malta u li s-sieħba tiegħu kkonfermat li l-koppja għandhom kuntratt ta’ residenza valida għal iktar minn sena.

Dr. Xuereb qal li l-akkużat ġie Malta biex ifittex impieg, għandu kondotta nadifa. Li ġara kien li kien miexi b’mod kalm u għall-affari tiegħu u f’daqqa waħda ġie aggredit fejn spiċa imbenġel kullimkien u anke safa migdum. Il-prosekuzzjoni kkonfermat li ż-żewġ persuni ġew arrestati u ttieħdu l-isptar.

Qalet ukoll li l-arrest sar fis-6.30am. Id-difiża ma kkotestatx il-validità tal-arrest. Madankollu l-prosekuzzjoni qalet li l-massimu tal-piena f’każ bħal dan huwa ta’ 10 snin prigġunerija, hemm il-biża li jiġu kontaminati l-provi, li għad irdiu jixhdu l-vittmi, l-biża li jinħeba jew jitlaq minn Malta, l-fatt li ma jaħdimx għax m’għandux permess ta’ residenza.

Id-difiża qalet li l-vittma huwa l-akkużat u li l-ġrieħ li sofra minnhom huma gravi u x’aktarx permanenti. Staqsiet x’biża hemm? L-Avukat Xuereb qal li ma jistax ikun nibqgħu sejrin hekk, aktar u aktar meta l-akkużat għandu kondotta nadifa. Il-Qorti qablet mat-teżi tal-prosekuzzjoni u ċaħdet it-talba għall-pleġġ.

Il-Qorti mponiet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur l-allegat vittma, bl-ordni tibqa fis-seħħ sakemm tingħata s-sentenza. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Nico Zarb u l-Avukat Joseph Camilleri Azarov, mill-ucffiċċju tal-Avukat Ġenerali.