Internazzjonali

L-elezzjonijiet fir-Rumanija: Ir-rebħa ta’ Nicusor Dan hi wkoll rebħa għall-Ewropa

L-Unjoni Ewropea qed tiċċlebera r-rebħa tal-kandidat Nicusor Dan fit-tieni rawnd deċiżiv tal-elezzjoni li saret nhar il-Ħadd għall-Presidenza tar-Rumanija…Rebħa sinifikanti għar-Rumeni li jridu li pajjiżhom ikattar il-valuri Ewropej u tal-Punent u bir-riżultat ikun anki daqqa ta’ ħarta kbira għall-kandidat estremista tal-lemin, George Simion, li kien iddikjara lilu nnifsu rebbieħ tal-elezzjoni sa ftit qabel beda l-għadd uffiċjali tal-voti.

L-għajta ta’ Simion – ammiratur tal-President Russu Vladimir Putin u kritiku kbir tal-UE – bla dubju kienet waħda prematura u meta fl-aħħar sigħat feġġew ir-rapporti, mhux issostanzjati, dwar ‘attentati ta’ indħil’ f’din l-elezzjoni min-naħa tar-Russja….Dan meta l-Kremlin kien ħerqan biex ir-Rumanija, taħt Simion, tingħaqad ma’ pajjiżi  bħall-Ungerija u s-Slovakkja li kemm-il darba esprimew simpatiji ma’ Moska minkejja li huma Stati-membri tal-Unjoni Ewropea.

Intant, Nicosur Dan kiseb 54 fil-mija tal-vot għal comeback strarodinarju kontra s-46 fil-mija għal Simion….Sitwazzjoni li l-estremista tal-lemin, għall-bidu, ma setax iniżżilha, tant li hu, fil-bidu rrifjuta li jammetti t-telfa wara tellieqa politika qalila, karatteristika minn klima politika mill-aktar polarizzata fir-Rumanija.

Kien biss wara ħafna, li George Simion bagħat messaġġ ta’ kongratulazzjoni lil Dan waqt li qal li ‘l-elezzjoni tal-Ħadd kienet għadha biss il-bidu ta’ triq twila’.

Nicosur Dan hu eks-Sindku ta’ Bucharest u r-Rumeni, fil-parti kbira nett żgħażagħ, iddeċidew li jafdawh bil-futur ta’ pajjiżhom bħala parti mill-familja Ewropea…Dan meta l-alternattiva kienet Tmexxija ultra-estremista rappreżentata minn Simion u l-alleat tiegħu, Calin Georgescu – bir-Russja żżid sew l-influwenza tagħha fuq l-affarijiet li jolqtu l-aktar lir-Rumeni.

Il-poplu Rumen anki deher konvint mill-politika ta’ Dan bażata fuq kampanja kontra l-korruzzjoni u favur ir-riformi fil-pajjiż. It-tema tal-kampanja elettorali ta’ Nicosur Dan ibbażat fuq żewġ kelmiet…. ‘Onesta u Diċenza’ – u r-rebħa tiegħu hi waħda kbira wara li hu kien mar ħażin fl-ewwel rawnd tal-elezzjoni li segwa l-votazzjoni ta’ Novembru għall-Presidenza tar-Rumanija…Proċess li, imbagħad, kien tħassar mill-Qorti Kostituzzjonali f’Bucharest.

Il-President Franċiż, Emmanuel Macron; il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen; il-President tal-Kunsill Ewropew, Antonio Costa; il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola u Mexxejja Ewropea oħra, fl-aħħar sigħat, bagħtu messaġġi ta’ kongratulazzjoni lil Nicosur Dan għas-suċċess li kiseb.