Rumen ta’ 27 sena, li huwa ‘homeless’ ġie mixli quddiem il-Maġistrat Monica Vella li nhar il-Ħadd li għadda seraq xi oġġetti minn supermarket li jinsab f’Ħal Qormi. Stefan Solomon Niculescu ġie mixli li seraq flixkun birra, żewġ ‘vapes’, u tliet ‘oat meals’ għall-ħabta tas-7pm.
Għall-ewwel huwa qal li kien se jammetti l-akkużi kollha miġjubin kontrih iżda wara biddel fehmtu għax qal li ma kienx qed jaqbel ma’ xi akkużi minnhom. Ma kienx hemm kontestazzjoni dwar il-validità tal-arrest.
Irriżulta li meta l-Pulizija marru fuq il-post instab li s-serqa kienet ta’ inqas minn 20 ewro. Irriżulta wkoll li l-akkużat kien qed jiġi mfittex mill-Pulizija. L-aħħar indirizz tiegħu kien f’lukanda abbandunata. Huwa ħa wkoll lill-Pulizija f’post ma kellux ċwievet u li ma kien hemm ħadd.
Kien hemm persuna oħra, li hija mara li ġiet interrogatra b’rabta mal-każ li mistennija titressaq b’rabta mas-serqa. Ir-Rumen ġie mixli wkoll li kellu fil-pusses tiegħu għodda li setgħu ntużaw waqt it-twettiq tar-reat. Akkużat ukoll li għex ħajja ta’ għażż u vagabundaġġ u li sar riċediv b’sentenza mill-Qorti tal-Maġistrati mogħtija fit-13 ta’ Ottubru 2016.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi James Mallia u John Sammut. Għal Niculescu dehret l-avukat Martina Herrera. Ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest mill-avukat tiegħu u għalhekk intbagħat il-ħabs.
//= $special ?>