Tfajla ta’ 27 sena kienet immultata €2,000 wara li nstabet ħatja li żammet kelb tar-razza Pitbull maqful f’xaft bla lqugħ u bla ikel u għaldaqstant f’ambjent perikoluż. Caroline Debrincat instabet ħatja wara li tressqet mill-Ispettur Christian Cauchi.
Hi nstabet ħatja mill-Maġistrat Astrid May Grima li fit-2 ta’ Diċembru 2021, u fil-ġranet u x-xhur ta’ qabel, f’San Pawl il-Baħar, ħalliet kelb f’bitħa interna żgħira, ġegħlitu jsofri u li wettqet dan ir-reat meta kien hemm fis-seħħ sentenza tal-Qorti fil-konfront tagħha.
Il-Pulizija bdiet tinvestiga l-każ wara li fit-8 ta’ Novembru 2021 l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali daħallu rapport li kien hemm kelb li kien qed jinżamm f’bitħa f’San Pawl il-Baħar. Fis-26 ta’ Novembru tal-istess sena żewġ uffiċjali mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali marru fuq il-post fejn sabu l-kelb u wissew lil omm l-akkużata li kien hemm diversi ksur tar-regolamenti dwar iż-żamma tal-annimali.
Fit-2 ta’ Diċembru 2021 uffiċjali mill-istess Direttorat reġgħu marru d-dar fejn reġgħu sabu l-kelb fl-istess sitwazzjoni u għalhekk ħadu l-kelb mill-post. Għaldaqstant it-twissija li ngħatat lit-tfajla kienet ġiet injorata.
Fil-Qorti xehdu uffiċjali mid-Direttorat li spjegaw il-kundizzjoni li sabu fiha lill-kelb bil-Maġistrat Grima tgħid li l-provi wrew li l-kelb inżamm maqful f’xaft żgħir bla lqugħ, bla provvista xierqa ta’ ikel u f’ambjent maħmuġ.
Qalet li l-akkużata naqset li tipprovdi lill-kelb bi spazju adegwat u nadif fejn jista’ jdur u naqset milli tipprovdilu l-ikel u għalkemm ingħatat ċans, ħallietu hemm bl-istess mod. Għaldaqstant instabet ħatja tal-akkużi kontriha u minbarra l-€2,000 multa pprojbietha milli żżomm annimali għal perjodu ta’ sentejn.
//= $special ?>