Lokali Qorti

Offertà ta’ €1,500 fix-xahar minn Jamie Vella biex “Il-Koħħu” ma jiżvela xejn ma’ Keith Arnaud

Kienet saret offertà ta’ €1,500 fix-xahar lil Vince Muscat magħruf bħala “Il-Koħħu” minn Jamie Vella (ritratt) biex huwa ma jitkellimx u ma jiżvela xejn mal-investigatur ewlieni tal-Pulizija Keith Arnaud, illum Assistent Kummissarju tal-Pulizija.

Din saret fl-2019 f’bar ġewwa l-Marsa lil missier l-eks mara ta’ Vince Muscat. Jamie Vella kien qal lil Peter Brincat, biex jgħid lil bintu tmur il-ħabs u tgħid lil żewġha b’din il-proposta. Brincat qal li meta huwa informa lil bintu dwar dan hi mill-ewwel ma’ aċċettatx il-proposta, u qalet lil missierha, biex ma jfettilux iressaq lil Jamie Vella, lejha. Ħareġ ukoll li Jamie Vella ma kienx waħdu f’din l-offertà, għalkemm kien kellmu biss Jamie Vella.

Dan ħareġ fil-ġuri li qed jinstema’ f’awla 22 tal-Qorti kontra erba’ rġiel li issa daħal fit-22 ġurnata tiegħu b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fl-2017 u l-Avukat Carmel Chircop fl-2015. Fil-ġuri li qed tippresedi l-Imħallef Edwina Grima, hemm akkużati l-aħwa Adrian u Robert Agius, magħrufa aħjar bħala Ta’ Maksar, kif ukoll Jamie Vella  u George Degiorgio, li qed jiffaċċjaw akkużi differenti b’konnessjoni mal-qtil ta’ Chircop.

Chircop kien inqatel fit-8 ta’ Ottubru, 2015, filwaqt li Caruana Galizia kienet inqatlet fis-16 ta’ Ottubru tal-2017. Adrian Agius huwa akkużat li kkummissjona l-attakk fuq l-avukat, li l-prosekuturi jallegaw li twettaq bil-kompliċità ta’ ħuh Robert, flimkien ma’ Vella u Degiorgio.

Robert Agius u George Degiorgio magħruf bħala “Iċ-Ċiniż, huma akkużati li pprovdew il-bomba fl-assassinju ta’ Caruana Galizia. L-irġiel kollha qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom.

Il-ġuri qed ikompli wara li l-Ġimgħa wara nofs inhar u matul il-ġurnata tas-Sibt sar l-aċċess f’diversi postijiet b’rabta maż-żewġ omiċidji fosthom il-kumpless ta’ garaxxijiet f’Birkirkara fejn inqatel l-Avukat Carmel Chircop u fil-Bidnija fejn inqatlet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

L-ewwel xhud kien il-kuntistabbli Patrick Farrugia mit-Taqsima tal-Forensika tal-Pulizija. L-espert forensiku tkellem dwar swabs li saru fuq materjal organiku misjub fix-xeni tad-delitt. Farrugia qal lill-ġurati d-differenza bejn swabs imxarrbin u swabs niexfa.

Huwa beda jispjega kif taħdem arma tan-nar u kif il-balla tivvjaġġa u f’dan il-każ kien qed jitkellem fuq ir-revolver li ntuża’ biex inqatel l-Avukat Chircop. Fuq il-monitor il-ġurati ġew murija l-arma inkwistjoni bix-xhud jispjega b’mod tekniku ħafna l-karatteristiċi tagħha.

Wara xehdet Ruth Chircop li hija sid l-appartament li kienet kriet lil Jamie Vella lejn l-aħħar tal-2015. Tgħid li l-Pulizija kienu ċemplulha u staqsewha jekk għandhiex proprjetà f’Santa Venera. Sostniet li li l-Pulizija kienu staqsewha għand min hu mikri l-post u tgħid li kien mikri lil Jamie Vella.

Qalet li kien inkera lilu lejn l-aħħar tal-2015 u li dam aktar minn sena jikrih. Tgħid li l-aġent tal-propjetà kien qallha li kien hemm koppja bit-tfal Maltin li tixtieq tara l-post tagħha. Qalet li kien mar Jamie Vella flimkien mal-aġent.

Dan il-post kien inkera għal sena sakemm jixtru post, iżda kien għamel ftit iktar minn sena mikri, mhux iktar minn ftit xhur. Ix-xhud qalet li dan huwa terran li jinsab fi Triq il-Parata. L-Assistent Kummissarju Malcolm Bondin kien ix-xhud li jmiss li qal li huwa kien Spettur tal-Pulizija fid-drugs squad u li mexxa rejd tal-4 ta’ Diċembru 2017 fuq Anton Cachia, li kellu ċ-ċwievet ta’ garaxx f’Ħaż-Żebbuġ fejn kien ġie arrestat Adrian Agius.

Huwa xehed li għall-ħabta tad-9:15am, waqt li l-uffiċjali kienu qed ifittxu l-garaxx, li l-kontenut tiegħu kien jikkonsisti l-aktar minn karozzi u partijiet ta’ vetturi, għaddiet karozza sewda minn ħdejh. Fiha, huwa għaraf lil Adrian Agius, wieħed mill-aħwa Ta’ Maksar li kien ukoll is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest dak iż-żmien.

L-ispettur ċempel lis-Supretendent Keith Arnaud, li tah struzzjonijiet biex jipproċedi bl-arrest ta’ Agius jekk is-suspettat jirritorna. Meta l-karozza, fil-fatt, irritornat biex tagħmel it-tieni passaġġ minn quddiem il-garaxx, Agius ġie mill-ewwel arrestat.

Agius kien qal lill-pulizija li kien għadu kif irritorna minn irtir fi Sqallija u kien waqaf biex jiċċekkja l-garaxx wara li nnota l-karozzi tal-pulizija pparkjati fil-qrib. Fil-garaxx kienu sabu pistola, kumpressur u xi oġġetti illeċti.

Mitlub jgħid lil bintu biex tgħid lil żewġha “Il-Koħħu” jżomm ħalqu magħluq

Peter Brincat 2019 Rob’s Bar il-Marsa għall-ħabta tal-10am. fejn kien jattendi kuljun u mar Jamie Vella u mar ikellmu mingħajr ma kien jaf. “Nixtieq inkellmek fuq ir-raġel tat-tifla Vincent Muscat u qallu biex jgħidlu ma jsemmuhx u lest li joffri l-flus. Kien hemm ħabib tiegħu barra.

Dan qed jitkellem ma’ Arnaud u nagħtuh 1,500 fix-xahar. Wara madwar 10 minuti ix-xhud qal lil Jamie Vella biex jitkellmu barra u kien dak il-ħin li qallu bl-offertà. Issa għid lit-tifla biex tinfurmah dwar dan meta tmur tarah il-ħabs. Il-persuna l-oħra kien in-naħa l-oħra tat-triq, madwar 10 metri l-bogħod u ma ċċaqqlaqx min hemm.

Ix-xhud qal li Jamie Vella qallu li kienu se joħorġu €750 fix-xahar kull wieħed, Vella u sieħbu li kien hemm in-naħa l-oħra tat-triq. Tenna li wara li seħħ dan kollu b eda jtella u jniżżel jgħidix lil bintu jew le. Ix-xhud qal li nesa l-isem tal-persuna l-oħra li baqa’ faċċata, anke jekk qallu min hu Jamie Vella.

Ix-xhud qal li ddeċieda li jgħid lit-tifla ma jmurx imorru jgħidu lilha direttament. It-tifla ma aċċċettax u qaltlu; “ara ma jmurx iġibhomli ‘l hawn.”

Xi jiem tmien t’ijiem wara qal li kien rah Jamie Vella fl-istess ħanut u qallu biex jaqta’ jiesu minn dak li tkellmu dwaru. M’għamilx iktar minn tliet minuti jitkellmu, lanqas kafe ma kien offrielu, għax hu mhux ta’ dawn l-affarijiet u dlonk telaq il-barra.

Wara Keith Arnaud kien ma ikellmu u mar id-depot dan wara li t-tifla tiegħu kienet qalet lill-istess Arnaud dwar dak li kien ġara, dik li Jamie Vella mar ikellem lil missierha. Jiftakar li meta kien id-depot sar identification parade u kien hemm persuni bin-numru, iżda ma kien għaraf lil ħadd minnhom. Qal li għandu ‘lazy eye’ u għalhekk ma jagħrafx sew lil persuna.

Waqt il-kontro-eżami magħmul mill-Avukat Amadeus Cachia, Brincat ċaħad li bintu kienet qaltlu li kienet qed tirċievi xi flus mingħand Melvin Theuma, l-middleman involut fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li ngħata l-proklama fil-każ biex jikxef kollox.

Wara xehed Jason Camilleri,qal li kien imexxi kumpanija tal-kiri tal-karozzi. Tenna li l-pulizija kienu staqsewh mistoqsijiet, dwar karozzi li kien kera. Qal li Robert Agius kien klijent regolari u spiss kien jikri karozzi.

Huwa kien mistoqsi fuq karozza Pegeout 108, qal li jekk klijent jitlob karozza partikolari lill-klijent ma jagħtuhx lilha, minħabba li ħafna drabi min jikriha kien jispiċċa jieħu xi parts minnha. Kienet ukoll tmur omm Robert Agius, tieħu xi karozzi minn għandu.

“Hu qatt ma talab għal mudell speċifiku,” huwa qal, u żied li hu dejjem kien kuntent li jieħu kwalunkwe karozza li kienet disponibbli. Kważi dejjem hu kien jiġbor il-karozza, li kien jikri, rarament kienet tmur ukoll il-mara tiegħu.

Camilleri jgħid li żamm rekords dwar il-persuna u l-karozza li kienu jikru. Huwa ma jiftakarx jekk il-pulizija kinux ħadu xi informazzjoni magħhom l-ewwel darba li tkellmu miegħu, iżda jgħid li r-rekords inqerdu peress li huma jżommuhom biss għal sitt xhur. Mistoqsi jekk jagħrafx lil Robert Agius fl-awla u wieġeb fl-affermattiv, iżda qal li ma jirrikonoxxix lil ħaddieħor.

Meta Camilleri ġie mistoqsi dwar in-negozju qal li hemm tliet persuni li jittrattaw mal-klijenti, iżda jaħdmu fuq bażi ta ’roster. Qal li dejjem kien jittratta ma’ Robert peress li kien iċemplu u jitolbu jlestilu karozza għalih.

Mistoqsi għal kemm żmien Agius kien se jżomm il-karozzi għalih. Ix-xhud qal, “kultant tkun ġimgħa, kultant tkun tliet xhur. Huwa kien jikriha lil ħaddieħor,”. Il-prosekutur jitolbu jispjega aktar. “Kultant il-karozza tkun għal ommu jew għal sieħbu …”

Camilleri qal li kull karozza li tinkera tkun barra tiġi ċċekkjata malli tiġi lura imma qal li ma kienx hu li għamel dan. Wara ftit diffikultà meta mistoqsi jekk jagħrafx lil xi ħadd fl-awla, huwa għaraf lil Robert Agius, anke wara li dan għamillu sinjal mill-iżbarra.

Wara xehed Natalio Azzopardi. Il-prosekuzzoni tgħidlu li l-Pulizija kienu kellmuh fuq garaxx partikolari, f’Santa Venera. Qal li dan għandu żewġ entraturi. Qal li għandu tliet garaxxijiet f’dik il-binja. Ix-xhud joħroġ xi dokumenti u jgħid li l-kuntratt biex jixtri dawn il-garaxxijiet sar fl-2011. 

Il-kumpanija tiegħu tixtri l-propjetà biex tikriha. Mill-2014 sal-2018 krieh ċertu Charles Cassar. Kien qed jikrih għal €680, il-kera kienet titħallas kull sitt xhur. Il-kera kien ħallasha fil-pjazza tas-Siġġiewi u Cassar qallu darba li se jmur zijuh iħallsu. 

“Dil-persuna darba rajtha – il-bqija kien jibgħat il-ħlas ma’ xi ħabib,” qal ix-xhud. Huwa jistqarr li hu kien raha naqra stramba dil-biċċa xogħol. L-aħħar kera, dik tal-2018, tħallset f’Settembru tal-2017, bil-quddiem, u din kienet tkopri sitt xhur. 

F’Jannar tal-2018 hu beda jikkuntattja lil Cassar għall-pagament li jmiss imma l-mowbajl kien jidher li mhux disponibbli. Ix-xhud qal li għaddew xi tlieta jew erba’ xhur, u ddeċieda li jara x’inhu l-aħjar li jagħmel. 

Martu marret l-għassa ta’ Tas-Sliema, u qalulha tmur l-għassa tal-Ħamrun billi l-garaxx kien f’Santa Venera. Skoprew li l-karta tal-identità li ta dan Cassar lix-xhud ma kinitx taqbel mal-propja karta tal-identità ta’ Cassar. L-indirizz li kien tah Cassar lanqas ma kien jaqbel. 

Hu weħħel karta mal-bieb tal-garaxx bit-tama li Cassar jikkuntattjah, iżda dan baqa’ ma seħħx. Ix-xhud jgħid li għadda ż-żmien, u fl-2019, lejn l-aħħar tas-sena, sab il-bieb tal-garaxx żgassat.  “Ma naħsibx li kien ta’ veru dan Charles Cassar,” saħaq ix-xhud.

Tixhed persuna li kienet toqgħod fejn “Il-Koħħu”

Wara xehed Lawrence Pace. Ix-xhud qal li kien joqgħod il-Marsa, u li hu minn hemm. Mistoqsi kif jaf lil Vince Muscat, jgħid, “Kienu joqogħdu warajna.” Kien jafu żgħir, imma mbagħad iżżewweġ. Tenna li kien jiltaqa’ miegħu f’xi ħanut.

Il-prosekuzzjoni mbagħad tgħaddi għar-relazzjoni tiegħu ma’ Vince Muscat. Jgħid li kien jafu minn mindu kien għadu żgħir. Imbagħad jgħid li kien fil-Ħamrun, meta Vince Muscat avviċinah u qallu biex imur miegħu lejn is-Siġġiewi. Meta waslu hemm, qallu biex jagħti envelop b’“madwar sitt noti ta’ €50” lil xi ħadd li ma kienx jafu.

“Wasalt ħdejn il-karozza tiegħu, niżżel it-tieqa tal-karozza tiegħu, u meta tajtu l-flus, tani rċevuta,” jgħid lill-qorti. Mitlub jiddeskrivi l-persuna li ta l-flus lilha; jgħid li bilkemm jiftakarha. “Huwa kien bilqiegħda u iżgħar minni.”

Imbagħad jiddeskrivi t-tieni darba li talab biex jagħmel l-istess ħaġa. “Kien madwar disa’ xhur wara, u għamilna l-istess ħaġa.” Lanqas qatt ma rċieva tweġiba dwar għaliex ma kienx hu li tah il-flus, meta x-xhud staqsa lil Muscat għalxiex kienu l-pagamenti.

Ix-xhud jaf il-karozza li kellu Muscat għax ġieli wasslu biha, billi x-xhud ma jsuqx. Tenna li ġieli mar miegħu jagħmel xi qadi. Waqt il-kontro-eżami x-xhud ikkonferma li Muscat għamel xi perjodu jaħdem bħala mastrudaxxa, imma dan ilu ħafna.

Wara nqrat ix-xhieda ta’ Etienne Cassar minħabba li mhux f’qagħda li jixhed fil-Qorti. Cassar kien rappreżentant ta’ Cassar & Schembri Ltd. Huwa kien iddeskriva kif wieħed mill-aħwa Agius kien xtara ħanut mingħand il-kumpanija għall-operazzjonijiet ta’ More Supermarket.

Cassar iddeskriva l-laqgħat li saru dwar ix-xiri ta’ dan il-ħanut. It-temi diskussi kienu primarjament dwar ftehimiet dwar il-prezzijiet, iċ-ċediment għall-iffirmar ta’ garanzija fuq il-ħanut, kif iffirmat minn Cassar, Ryan Schembri u Adrian Agius.

Cassar qal li l-kumpanija kellha tħallas €600,000 għall-bejgħ ta’ din il-proprjetà. Madankollu, is-somma ta’ flus qatt ma tħallset. Ġiet iffirmata garanzija mill-partijiet kollha, jiġifieri Cassar, Ryan Schembri u Adrian Agius. Agius kien poġġa l-proprjetà tiegħu fuq il-mejda bħala garanzija fuq ix-xiri.

Mix-xhieda li kien ta Cassar qal li l-avukat assassinat Carmel Chircop kien qabel li jċedi maħżen li jiswa’€2.3 miljun f’Ħal Qormi li għalih kien iffirma ftehim ta’ wegħda ta’ bejgħ bi skambju għal €600,000, Etienne Cassar tenna li Chircop aċċetta li jieqaf fuq dan il-ftehim u jippermetti lil Ryan Schembri, Adrian Agius u lilu nnifsu jixtru l-maħżen sakemm l-Avukat ikun ikkumpensat.

Etienne Cassar kien ikkonferma li kien jaħdem bħala Sales Representative u kien ukoll Direrttur mal-kumpanija Cassar and Schembri nvoluti fl-importazzjoni ta’ laħam għar-ristoranti. Huwa kkonferma li kienu kellmuh il-Pulizija, imma nesa dwar xhiex.

Fuq Chircop qal li sar jafu 2013 fuq bejgħ ta’ maħżen għal użu ta’ supermarket li kien se jkun se jismu More. Kien se jużah Adrian Agius għal xi uffiċini, li huwa l-bniedem li sab il-maħżen u li kien sieħeb f’kumpanija fil-Libja, li kellha supermarket fi Tripli.

Carmel Chircop fhiex jidħol?, kien staqsa Keith Arnaud, u dan qal li l-maħżen ma kienx tiegħu imma kellu konvenju fuqu, ried li ‘aħna’ nieħdu l-konvenju li kien fuqu. “Naf għax kont preżenti f’żewġ meetings li kienu saru’. Ma kienx involut, aktar Brian u Adrian, kienu jkunu preżenti, qal ix-xhud.

Meta kien hu kien magħhom, kien hemm preżenti l-Avukat Chircop, kif ukoll Ryan Schembri fl-uffiċini li kellhom f’Tal-Ħandaq. Kien hemm diskussjonijiet fuq il-prezzijiet, fejn Chircop kien qal li ried €600,000 ewro u l-ftehim kien intlaħaq wara li ġiet iffirmata garanzija. Id-deal iżda ma sarx għax Ryan Schembri kien ħarab minn Malta.

Cassar qal li Adrian Agius kien se jkun il-persuna li tagħmel il-garanzija għal dan l-investiment li kien poġġa fih xi assi minn tiegħu. Il-valur kien ta’ madwar €2.3 miljun. Ftehim kordjali dwar il-bejgħ kien ġie ukoll iffirmat fl-2013, li iżda dan waqa’ bil-konvenju b’kollox wara l-ħarba ta’ Schembri. Il-ftehim kien ifisser li Chircop kellu jieħu €600,000 li huwa ħareġ fi spejjeż.

Fl-2015 jew kmien fl-2016 kien iltaqa’ ma’ Agius li qallu li kien se jfittex lil mara tal-Avukat Chircop, u li iżda ma kienx speċifika dwar xhiex. Mistoqsi mill-avukat mill-Uffiċċju tal-AĠ, ix-xhud jgħid li ma jaf xejn dwar pagamenti oħra.

Waqt il-kotroeżami mill-Avukat Alfred Abela, x-xhud qal li hu ffirma fl-uffiċċju tan-Nutar Mangion f’Ħal Luqa. Qal li ma jafx li sar kostituzzjoni ta’ debitu u li sa dak l-istadju l-Avukat Chircop ma kienx ta flus lill-kumpanija tagħhom. Ix-xhud jikkonferma li Schembri kien ħalliehom lampa stampa.

Il-prosekuzzjoni qalet lill-qorti li x-xhieda kollha tal-lum kienu xehdu, u esperti tal-qorti barranin, mill-Istitut Forensiku Netherlandiż, huma mistennija li jixhdu nhar it-Tlieta filgħodu u wara nofs inhar huwa programmat li jixhed l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud, il-Kap tal-Investigazzjoni minn naħa tal-Pulizija Maltija fiż-żewġ omiċidji.

L-avukati Godwin Cini, Danika Vella u Anthony Vella qed imexxu l-prosekuzzjoni f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Nicholas Mifsud qed jassisti lil Adrian Agius. L-Avukati Ishmael Psaila u Amadeus Cachia qed jassistu lil Jamie Vella.

L-Avukati Alfred Abela u René Darmanin qed jassistu lil Robert Agius. L-Avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri qed jassistu lil George Degiorgio. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru għall-familja Caruana Galizia. L-Avukat Vince Galea qed jassisti lill-familja Chircop.