Lokali Opinjoni

OPINJONI: Agħmel elezzjoni immedjata

F’dawn il-jiem ilkoll kemm aħna segwejna dak li ġara f’Ħal Għargħur fejn Robert Abela u l-Partit Laburista ħatfu l-kunsill lokali Ħal Għargħur kontra r-rieda tal-Għargħurin

minn Charles Bonello
Is-Segretarju Ġenerali
Partit Nazzjonalista

Dak li ġara f’Ħal Għargħur juri bl-aktar mod ċar il-kilba għall-poter li għandu Robert Abela; li għandu l-Partit Laburista. Din hi sitwazzjoni mill-aktar perikoluża.
Din hi kwistjoni li partit politiku – f’dan il-każ il-Partit Laburista – qiegħed japprofitta ruħu miċ-ċirkostanzi biex jiddistabbilizza l-Kunsill Lokali Ħal Għargħur.
Illum ninsabu f’pożizzjoni fejn il-Partit Laburista qiegħed jilgħab logħba perikoluża billi qiegħed juża kunsilliera ‘indipendenti’ u qed jaħtaf Kunsill Lokali li sena ilu biss ir-residenti tal-lokalità tiegħu bagħtu messaġġ ċar li m’għandhomx fiduċja fil-Gvern Laburista u riedu tmexxija mill-Partit Nazzjonalista.
Ir-residenti ta’ Ħal Għargħur sena ilu bagħtu messaġġ qawwi ħafna – ta’ sitt persuni minn kull għaxra; jiġifieri ta’ aktar minn sittin fil-mija – ftit inqas biss minn żewġ terzi tal-voti… li riedu tmexxija mill-Partit Nazzjonalista fil-lokalità tagħhom.
Fid-dawl ta’ dan kollu l-Partit Laburista qed jiġi jaqa’ u jqum minn xi jridu r-residenti ta’ Ħal Għargħur biex jaħtfu l-poter f’dan il-lokal u dan fih innifsu hu perikoluż ħafna għad-demokrazija fil-pajjiż.
Dan mhux abbuż li qiegħed isir minn xi individwu, iżda abbuż mill-aktar serju li qiegħed isir mill-Partit Laburista li hu istituzzjoni li suppost ikollha l-akbar interess li d-demokrazija f’pajjiżna titmexxa kif mixtieq u mistenni.
Minflok il-Partit Laburista qiegħed jaħtaf it-tmexxija ta’ dan il-Kunsill Lokali kontra r-rieda tal-maġġoranza assoluta ta’ Ħal Għargħur u dan hu inaċċettabbli.
Jekk hawn xi ħadd fil-pajjiż li għandu xi dubju li minn sena ilu lil hawn il-maġġoranza tal-elettorat f’Ħal Għargħur m’għadhiex wara l-Partit Nazzjonalista, jien m’għandi l-ebda diffikultà li mmorru għall-elezzjoni f’din il-lokalità.
Minkejja li l-Partit Nazzjonalista f’Ħal Għargħur għandu mandat ta’ ħames snin, ma nistax nippermetti jew naċċetta li jien inkun ostaġġ ta’ xi ħadd. Dan id-diskors japplika għalija u japplika wkoll għar-residenti f’Ħal Għargħur li vvutaw għal tmexxija Nazzjonalista iżda issa l-Partit Laburista ħataf it-tmexxija ta’ din il-lokalità kontra kull xewqa tal-maġġoranza residenti f’Ħal Għargħur.

Sfida diretta lil Robert Abela
Jien nisfida lil Robert Abela, lill-Gvern ta’ Robert Abela u lill-Partit Laburista biex jekk jaħsbu li l-maġġoranza tar-residenti f’Ħal Għargħur m’għadhiex wara l-Partit Nazzjonalista, allura mmorru għall-elezzjoni fejn l-Għargħurin jerġgħu jissejħu biex jitfgħu l-vot tagħhom.
Bl-aktar mod dirett din hi sfida lil Robert Abela għax dak kollu li seħħ f’Ħal Għargħur, sar bil-barka tal-ogħla uffiċjali fil-Partit Laburista u tiegħu personalment li jmexxi lill-Partit Laburista.
Dak kollu li qed jiġri f’Ħal Għargħur – din il-manuvra antidemokratika u inaċċettabbli għaliex ma tirriflettix dak li jridu l-Għargħurin – jaqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ Robert Abela.
Quddiem dan kollu ngħidha bla ebda tlaqliq li Robert Abela m’għandux minn fejn joħroġ. Hu jrid jirrispondi. Hu biss. Għax hu l-Mexxej tal-Partit Laburista li aċċetta li jimxi fuq il-pjani tal-ogħla uffiċjali tal-Partit Laburista.
Tajjeb li wieħed jifhem ukoll li kaġun ta’ din il-kilba għall-poter mill-Partit Laburista, il-vittmi se jkunu l-istess residenti f’Ħal Għargħur għaliex kif inhu l-Kunsill Lokali bħalissa naraha diffiċli ħafna li jista’ jiffunzjona. Teknikament jista’ jaħdem, iżda fil-prattika nara diffiċli ħafna għaliex in-nies ta’ Ħal Għargħur – sena ilu biss – qal li jridu tmexxija mill-Partit Nazzjonalista u mhux mill-Partit Laburista.
Allura kif quddiem dan kollu Robert Abela jippermetti li l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għargħur jispiċċa maħtuf mill-Partit Laburista u dan kollu bil-barka tiegħu?
Tajjeb li wieħed jifhem dan ix-xenarju kollu għaliex bosta drabi l-poplu jitkellem dwar starrijiet tal-opinjonijiet pubblika li jsiru minn żmien għal żmien. Hawn hekk mhux qed nitkellmu dwar stħarriġ tal-opinjoni pubblika, iżda dwar riżultat elettorali uffiċjali fejn il-poplu ta’ Ħal Għargħur sena ilu ħareġ jivvuta u vvota favur tmexxija minn Sindku u Kunsillieri Nazzjonalisti. Robert Abela u l-Partit Laburista ma jistgħux jarmu l-verdett tal-poplu ta’ Ħal Għargħur.
Naturalment wieħed jifhem li dan kollu qiegħed jiġri għaliex Robert Abela u l-Partit Laburista għandhom kilba kbira għall-poter… anki akkost li jarmu ’l barra r-rieda tal-poplu Għargħuri.
Dan jitfagħli dubji serji dwar il-perikli għad-demokrazija li qegħdin ngħixu f’dan il-pajjiż fejn Robert Abela ma jinteressah assolutament minn xejn għajr li jaħtaf il-poter… inkluż li jarmi r-rieda tal-popli li jkun ivvota f’elezzjoni ħielsa.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 18  ta’ Mejju, 2025.