Opinjoni

OPINJONI: Ħadd m’għandu d-dritt li jweġġa’ lil ħadd

Xtaqt naqsam magħkom ftit ħsibijiet wara esperjenza iebsa li għaddejt minnha fil-jiem li għaddew meta għax jien persuna transgender spiċċajt fil-mira li nkun redikolata

minn Terry Muscat
Persuna Transgender

Bħala persuna transgender nifforma parti mill-komunità relattivament kbira ta’ persuni LGBTQ+. Komunità li finalment tifforma parti wkoll mis-soċjetà tagħna fejn kulħadd għandu jirrispetta lil xulxin u fejn kulħadd għandu jagħraf il-parametri tiegħu biex b’għemilu ma jweġġa’ lil ħadd.
Għax finalment kulħadd tad-demm u l-laħam u kull persuna – hi ta’ liema orjentazzjoni sesswali hi – għandha d-dritt li tgħix fir-rispett u d-dinjità. Mingħajr ma tingħata l-ebda fastidju jew xi tip ta’ bullying psikoliġiku jew fiżiku.

Għad hawn min iżeblagħna
Qed ngħid dan kollu għaliex sfortunatament għad fadal istanzi u ċirkostanzi li juru li fil-pajjiż għad hawn persuni li għal xi raġuni jew oħra fina l-persuni li nifformaw parti mill-komunità LGBTQ+ jaraw xi opportunità jew okkażjoni ta’ żebligħ, umiljazzjoni jew bullying. Dan nikkundannah bil-qawwa kollha. Għax minn ewl id-dinja hu prinċipju fundamentali li ħadd – għall-ebda raġuni – m’għandu joqros u jintimida lil ħadd.
L-inċident reċenti fejn kien hemm min żeblagħni fil-pubbliku sempliċiment għaliex jien transgender u persuna popolari lili weġġagħni ħafna. Fil-veru sens tal-kelma mhux biss ixxokkjani, imma bikkieni.
Staqsejt lili nnifsi għaliex xi ħadd kellha tiġih f’moħħu l-idea li jkasbarni b’dan il-mod u jipprova jneżżagħni mid-dinjità tiegħi sempliċiment biex idaħħak u minn fuq id-daħk jagħmel il-flus?
Iddaħħak b’persuni bħali? Sempliċiment għaliex jien transgender u qatt ma ħbejt? U ddaħħak b’xi ħadd li jifforma parti mill-komunità LGBTQ+ sempliċiment għaliex jifforma parti minn din il-komunità?

Weġġajt tassew
Tkisser persuna transgender sempliċiment għax hi persuna popolari iżda li qatt m’għamlet ħsara lil ħadd? Għaliex hawn min bħal donnu jieħu gost ikisser lil dak li jkun… dan hu tassew l-assassinju tal-karattru li m’għandu jkun aċċettat qatt.
Onestament li dak l-inċident lili weġġagħni tassew u nistaqsi fejn huma l-awtoritajiet biex iħarsu lilna minn inċidenti bħal dawn? X’fiha tad-daħk li persuna tkun trangender? Jewwilla fatt bħal dan jagħti xi liċenzja lil xi ħadd biex ikasbarha?
Ikolli nammetti li inċidenti koroh bħal dawn lilna l-persuni li nifformaw parti mill-komunità LGBTQ+ jwaddbuna lura immens. Filwaqt li nsiru aktar konxji u nirrealizzaw ukoll kemm fil-pajjiż fadal ħtieġa ta’ edukazzjoni fuq kull livell.
Inżid ngħid li sfortunatament spiss nisimgħu u naqraw dwar inċidenti li jseħħu fi skejjel, f’postijiet soċjali jew tad-divertiment, f’postijiet tax-xogħol… Bullying ta’ persuni li huma lesbjani, omosesswali, bisesswali, transġeneri jew intersesswali.
Dan kollu juri kemm min qiegħed f’xi tip ta’ awtorità għandu jaħdem u jistinka biex ikattar u jifrex l-edukazzjoni fost il-faxxi kollha tas-soċjetà. Jiġifieri sa mill-iskejjel biex it-tfal, sa minn ċkunithom, ikunu mgħallma jirrispettaw lit-tfal l-oħra. Edukazzjoni li għandha tkun intensifikata fil-livell tal-edukazzjoni terzjarja u f’postijiet oħrajn tat-taħriġ fejn jattendu ż-żgħażagħ li għandhom mhux biss ikunu edukati fil-komportament tagħhom ma’ żgħażagħ LGBTQ+ u jaċċettawhom kif inhuma, iżda ma jirrikorru qatt u qatt għal xi tip ta’ bullying.

Ħtieġa kbira ta’ edukazzjoni
Proċess ta’ tagħlim li l-Istat għandu jifrex fuq il-midja kollha bi programmi, spots pubbliċitarji u avviżi edukattivi.
M’għandu jkun qatt li xi ħadd jaċċetta li persuni lesbjani, omessesswali, bisesswali, transġeneri jew intersesswali jkunu taħt xi forma jew oħra ta’ preġudizzju, attakk jew insulti.
Dan l-aħħar f’rapport pubblikat minn Amnesty International ingħad: “Li tgħix bħala persuna lesbjana, omosesswali, bisesswali, transġeneri jew intersesswali tista’ tkun ta’ theddida għall-ħajja f’numru ta’ pajjiżi madwar id-dinja.
“Għal dawk li ma jgħixux b’riskju immedjat ta’ kuljum għal ħajjithom, id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali tiegħu, l-identità tal-ġeneru u/jew l-espressjoni u l-karatteristiċi tas-sess, jista’ jkollha effett devastanti fuq il-benessri fiżiku, mentali u emozzjonali ta’ dawk imġiegħla jsofruha.

Protezzjoni tad-drittijiet
“Id-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra l-persuni LGBTQ+ jistgħu jiġu f’ħafna forom, minn isimhom, bullying, fastidju, u vjolenza bbażata fuq is-sess, sa meta tiġi miċħuda impjieg jew kura tas-saħħa xierqa. Il-protesti biex jiġu mħarsa d-drittijiet tal-persuni LGBTQ+ wkoll jiffaċċjaw soppressjoni madwar id-dinja.”
F’pajjiżna saru passi kbar ’il quddiem fil-konfront tal-persuni LGBTQ+, iżda xorta fadal qatigħ xi jsir biex ikunu tassew protetti d-drittijiet tal-persuni LGBTQ+… inkluż id-dritt tagħna li ngħixu f’serħan il-moħħ, li jkollna kwalità ta’ ħajja deċenti fejn ningħataw il-protezzjoni ħalli d-dinjità tagħna tkun imħarsa, biex ngħixu tassew il-libertà mill-preġudizzji u jkollna s-sigurtà tagħna rispettata.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 18  ta’ Mejju, 2025.