minn Josef Vella
L-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni
UĦM Voice of the Workers
Bla dubju ta’ xejn din il-proposta tfisser li se jibqa’ iktar flus fil-but tal-ħaddiema. Ifisser ukoll li fejn jidħol l-over-time se jingħata sinjal ta’ kuraġġ lill-ħaddiema.
Dan għaliex bil-liġi hemm numru ta’ sigħat li ħaddiem m’għandux għażla li jirrifjuta l-over-time imma jrid jaħdimhom bilfors u għalhekk, filwaqt li llum qed jiġi penalizzat għax qed ikun intaxxat fuqhom, b’din il-proposta il-qligħ minnu se jmur kollu f’buthom u mhux tibqa’ tinqatagħlhom it-taxxa.
Din il-proposta se tgħin il-firxa kollha tal-ħaddiema għaliex il-kultura li jsir xogħol part-time mhux xi ħaġa biss ta’ dawk li għandhom dħul baxx.
Bl-istess ħin, fejn jidħol over-time dan jolqot ukoll firxa wiesa’ ta’ ħaddiema. B’dan il-mod se jibqa’ iktar flus fil-but tal-ħaddiema u b’hekk jittaffa xi ftit mill-piż tal-għoli tal-ħajja.
Din hi proposta għandha tkun parti minn pakkett ta’ miżuri biex nieħdu ħsieb lill-ħaddiema u l-koppji żgħażagħ ħalli jiddedikaw aktar ħin għall-familja u b’hekk ikollhom kwalità tal-ħajja tajba.
Dan jista’ jsir bi proposta separata indirizzata biex jitnaqqas il-piż fuq self fuq djar għall-koppji żgħażagħ. Il-PN jista’ jagħmel dan billi joħroġ bi proposti u inċentivi biex iwieżen xi ftit minn dan il-piż biex il-flus li jaqilgħu l-ħaddiema jwasslu biex dak is-self jitħallas f’inqas żmien.
Nafu li llum hawn koppji li għandhom self sa meta joħorġu bil-pensjoni, u għalhekk dan ifisser li ma tantx tista’ tilħaq il-kwalità tal-ħajja li tixtieq jekk tkun għadek qed tħallas id-dejn.
Naħseb dan kollu flimkien ma’ iżjed proposti bil-għaqal bl-iskop li ninċentivaw ix-xogħol, filwaqt li nżommu dejjem mal-prinċipju li għandu jkun hemm bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol, jista’ jservi bħala t-triq ’il quddiem li tagħmel differenza pożittiva għall-ħaddiema u l-familji tagħhom.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 18 ta’ Mejju, 2025.
//= $special ?>