Fi stqarrija ffirmata mis-Shadow Minister Claudette Buttigieg u l-MEP Nazzjonalista Peter Agius, il-Partit Nazzjonalista stqarr li l-Gvern ta’ Robert Abela jrid isikket lir-residenti li huma mħassba dwar l-inċineratur billi jintimida lil min verament qed jirrappreżenta lill-poplu.
Minflok għamel xogħlu u indirizza t-tħassib tar-residenti dwar l-effett tat-Thermal Treatment Facility fuq saħħithom, farfar il-kwistjoni fuq il-Wasteserv u qabbadha tirreferi l-każ għal investigazzjoni quddiem il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Dan ikompli jġib fix-xejn il-kredibbiltà ta’ Robert Abela u sħabu fil-ħarsien tal-ambjent.
Kulma riedu r-residenti kien li l-Ministru Miriam Dalli twieġeb il-mistoqsijiet tagħhom dwar l-emissjonijiet mill-inċineratur propost fil-Magħtab. Minflok, il-Ministru responsabbli ħaslet idejha u tefgħetha fuq il-Wasteserv, li issa trid tressaq lill-MEP Nazzjonalista Peter Agius u lid-Deputata tal-PN Claudette Buttigieg quddiem il-Kummissarju għall-Istandards għax qed iressqu ’l quddiem il-mistoqsijiet tar-residenti li qed jirrifjuta li jwieġeb il-Gvern.
Dan filwaqt li l-mistoqsijiet li tressqu bil-miktub lill-ERA u saru wkoll pubblikament waqt protesta fil-Magħtab baqgħu mhux imwieġba u r-residenti la ngħataw tweġibiet u wisq anqas serħan il-moħħ li s-saħħa tagħhom se tkun imħarsa.
Mistoqsijiet li saru f’isem ir-residenti dwar kif se jiġu evitati d-dijossina u n-nanoparticles li jmorru fil-pulmun tar-residenti u kienu mwieġba vagament billi ntqal li “se jintużaw best available technologies u li se jiġu osservati l-istandards Ewropej”.
Gvern li qed jikser l-istandards Ewropej fl-oqsma kollha mid-drenaġġ igelgel fil-baħar u l-kwalità tal-arja, sal-obbligu li jagħti dritt lil NGOs li jfittxuh fil-Qorti fuq proġetti ambjentali, hu Gvern li ma jista’ qatt ikun fdat li se josserva standards Ewropej fuq inċineratur.
Il-kredibbiltà tal-Gvern fuq dan il-proġett tkompli tonqos hekk kif sa issa m’hemmx studju sħiħ fuq il-kumpless kollu bl-impjanti u inċineraturi differenti għax il-Gvern qed jippreżenta l-proġett biċċa biċċa u mhux jindirizza l-impatt sħiħ li dan se jkollu.
Il-Gvern għandu kriżi ta’ kredibbiltà fil-qasam ambjentali. Hu għalhekk li r-residenti madwar il-Magħtab u fil-lokalitajiet kollha madwar in-Naxxar inkluż San Pawl il-Baħar, il-Mosta, Ħal Għargħur, Ħal Lija, Ħ’Attard, Ħal Balzan, l-Iklin, Birkirkara, San Ġwann, l-Imsida, is-Swieqi, Pembroke, San Ġiljan, tas-Sliema, il-Gzira, ir-Rabat u l-Imġarr huma kollha inkwetati u mħassba.
Kulma kellhom jagħmlu Miriam Dalli u l-Gvern ta’ Abela kien li jirrispondu d-domandi tar-residenti li jinsabu inkwetati li l-Gvern mhux kapaċi jmexxi dan il-proġett b’mod li ma jkunx ta’ ħsara għal saħħithom.
Il-fatt li, minflok, fafru r-responsabbiltà fuq il-Wasteserv biex tagħmel id-‘dirty work’ tagħhom juri biss li dan hu Gvern li għalih la s-saħħa tar-residenti u wisq inqas l-ambjent mhuma prijorità.
//= $special ?>