Raġel Taljan ta’ 35 sena nżamm arrestat wara li t-Tnejn wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ traffikar ta’ persuni. Damiano Nicastro, li jgħix fiż-Żurrieq, ġie akkużat li ttraffika tliet ċittadini Kolombjani għal sfruttament sesswali u li uża l-vjolenza u ġiegħelhom jidħlu fil-prostituzzjoni.
Il-Qorti semgħet kif ir-raġel allegatament mexxa burdell fin-Naxxar u żamm il-passaporti tat-tliet nisa. Huwa ċaħad l-akkużi. F’dan l-istadju ma ntalabx il-ħelsien mill-arrest, bl-avukat tad-difiża Mario Mifsud jitlob lill-Qorti biex titlob lill-prosekuzzjoni ssejjaħ lill-allegati vittmi fl-ewwel seduta.
Il-Qorti laqgħet it-talba. Hija imponiet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur it-tliet allegati vittmi u imponiet ordni ta’ ffriżar fuq ir-raġel.
Il-Maġistrat Monica Vella ppresediet il-każ. L-avukati tal-AG Valentina Cassar u Etienne Savona mexxew il-prosekuzzjoni, assistiti mill-Ispetturi tal-Pulizija John Spiteri, Dorianne Tabone, u Jessica Grixti.
L-avukat Mario Mifsud assista lill-akkużat. L-avukati Lara Dimitrijevic u Stephanie Caruana dehru għall-allegati vittmi.
//= $special ?>