Lokali Qorti

Żagħżugħ jammetti li seraq mobile u basket f’San Ġiljan

Żagħżugħ ta’ 18-il sena residenti Tas-Sliema ammetta li nhar is-Sibt li għadda fil-ħin ta’ bejn l-9.45pm. u l-10.30pm fi Triq San Ġorġ, San Ġiljan, huwa seraq mobile u basket għad-dannu ta’ persuna minorenni u li s-serqa saret wara nżul ix-xemx, bis-serq għaldaqstant ikun wieħed aggravat.

Dujak Ben Hamed Pisani ammetta li s-serqa kienet tal-valur li jeċċedi l-€233. Il-prosekuzzjoni qalet li l-akkużat ikkopera mal-Pulizija u ddispjaċih ta’ dak li kien għamel. Huwa għamel dan minħabba li sellef xi flus lil persuna, li baqgħet ma ħallsitux u għalhekk ħaseb li kien xi dritt tiegħu li jagħmel dak li għamel.

Qabel ma beda jinstema’ l-każ quddiem il-Maġistrat Monica Vella, id-difiża mmexxija mill-Avukat Matthew Xuereb u l-prokoratur legali Sandro Camilleri flimkien mal-Avukat Brenden Hewer mill-Uffiċċju tal-AĠ u l-Ispettur Nico Zarb avviċinaw il-bank tal-Maġistrat bil-permess tagħha, biex jiddiskutu b’mod privat.

Wara d-diskussjoni l-prosekuzzjoni qalet li ma tarax li piena ta’ ħabs efferttiva tkun waħda idonea f’każ bħal dan. Qalet li mhux biss kien hemm il-koperazzjoni bejn l-akkużat mal-Pulizija, iżda ddispjaċih għal dak kollu li għamel. Barra minn hekk, huwa radd lura l-oġġetti misruqa lill-vittma.

Hawn id-difiża qablet u qalet li meta persuna tirritorna lura l-oġġetti misruqa, il-piena tinżel bi grad u anke tnejn. Qalet li din m’għandhiex mażżra li Pisani, li għad għandu 18-il sena, għandu jġorr tul ħajtu kollha, Kienet bluha ta’ tifel qalet id-difiża.

Ingħad ukoll mid-difiża li Pisani ġej minn familja tajba. Il-Maġistrat Vella imponiet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma. Intalab ukoll pre-sentencing report li kien milqugħ, bil-Qorti tilqa’ t-talba għall-pleġġ bla kontestazzjoni fuq depożitu ta’ €300 u garanzija personali ta’ €3,000.

Il-Qorti wissiet lil Pisani biex ikun preżenti għal kull seduta fil-Qorti, jiddepożita l-passaport u l-karta tal-identità, u li ma jkellem jew javviċina bl-ebda mod lill-vittma. F’każ li jikser waħda mill-kundizzjonijiet jista’ jiġu mmultat sa €7,000 u jiġi kkundannat sa massimu ta’ sentejn ħabs, jew saħansitra t-tnejn flimkien.