Lokali Parlament

25 persuna applikaw għal maħfra dwar żamma ta’ annimali perikolużi; se jkunu reġistrati 906 annimal perikoluż

25 persuna applikaw biex jibbenefikaw minn amnestija li se jagħti l-gvern lil dawk li kienu qed irabbu annimali perikolużi kontra l-liġi.

Dan ħabbru fil-Parlament il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali; meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Janice Chetcuti.

Il-Ministru Refalo qal li permezz ta’ din l-amnestija issa se jkunu reġistrat 906 annimal perikoluż li kienu qed jinżammu kontra l-liġi. Issa li ntemm it-terminu ta’ 90 ġurnata biex dawn l-annimali jkunu reġistrati, dawk l-annimali perikolużi li ma kinux irreġistrati, se jiġu kkonfiskati u s-sidien tagħhom jistgħu jeħlu multa li titla’ sa €65,000 jew tliet snin ħabs.

Din l-amnestija tħabbret fi Frar li għadda wara li fl-aħħar tmiem is-sena li għaddiet inqabdu erba’ ljuni u pantera li kienu qed jinżammu f’post mhux liċenzjat u li ma joffrix il-kundizzjonijiet neċessarji għal annimali perikolużi fin-Naxxar.

Meta tkellmet dwar din il-maħfra, id-Deputat Nazzjonalista Janice Chetcuti insistiet li din l-amnestija mgħandhiex tingħata lil min fil-fatt jabbuża mill-annimali u lil min iżomm annimali perikolużi f’kundizzjonijiet li ma jassigurawx iż-żamma xierqa tal-istess annimali f’kundizzjonijiet skont kif jirrikjedu l-istess annimali.

Janice Chetcuti qalet li dawn l-iljuni u l-pantera tpoġġew f’post mhux liċenzjat u jekk il-gvern hux se jieħu l-offerta ta’ NGO internazzjonali li offriet post għalihom. Hi staqsiet x’se jsir minnhom.

Il-Ministru Refalo wieġeb li hemm proċess kriminali fejn il-Ministeru għamel kwerala biex jittieħdu passi kontra min kiser il-liġi f’dan il-każ. Hu qal li d-Direttur ħa l-obbligu li jieħu kontroll tal-annimali u jitpoġġew fejn meħtieġ biex ma jixxekkilx il-proċess kriminali.

Anton Refalo sostna li l-Gvern mhuwiex ixekkel lill-għaqda internazzjonali milli tiġi f’Malta iżda din l-għaqda m’offrietx post alternattiv għall-iljuni u l-pantera.