“Din il-manuvra fil-Għargħur mhi xejn għajr vendikazzjoni u komplott anti-demokratiku min-naħa tal-Labour u ta’ Robert Abela”
Saħqet dan l-Eks Sindku tal-Għargħur Helen Gauci f’intervista fuq Net FM ma’ Dione Borg, fejn insistiet li hi sfat vittma ta’ konġura politika fil-konfornt tagħha u fil-konfront tar-residenti kollha tal-istess lokalità – dan wara li l-Partit Laburista ħataf il-kontroll tal-Kunsill.
Hi saħqet li r-residenti kollha jafu kemm il-Kunsill ħadem f’din il-lokalità; bi proġetti li dejjem komplew isebbħu dan ir-raħal.
Helen Gauci qalet ukoll li dak li qed jintqal min naħa ta’ dawk il-kunsillieri li ħatfu l-poter, hu kollu falz – tant li spjegat kemm qabel din il-manuvra hi ma kellha l-ebda problema mal-ebda kunsillier. Dan apparti li tkellmet ukoll dwar kif hi dejjem irrispondiet kull mistoqsija – ġejja minn fejn ġejja.
Helen Gauci spjegat ukoll kif il-Partit Laburista qed jagħmel dawn il-manuvri hekk perikolużi – b’Robert Abela fl-isfond ta’ dan kollu.
Fi tmiem l-intervista fuq ir-radju, Helen Gauci appellat biex in-nies jipparteċipaw fir-rally u jwasslu messaġġ permezz tal-preżenza tagħhom.
Intant, aktar kmieni matul il-jum, il-Prim Ministru evita għal kollox milli jwieġeb dwar is-sejħa biex fil-Għargħur issir elezzjoni mill-ġdid.
Il-Partit Nazzjonalista, min naħa tiegħu, kompla jżid il-pressjoni fuq il-Gvern ta’ Robert Abela wara li dan ħataf il-poter fil-Kunsill Lokali tal-Għargħur kontra r-rieda tar-residenti. Dan hekk kif issa, Mariah Meli ħadet il-ġurament tagħha bħala Sindku Laburista ta’ din il-lokalità.
Permezz ta’ messaġġ li twassal quddiem il-binja tal-Kunsill, il-PN għamilha ċara li din hija biss serqa. Tant li l-voti – b’maġġoranza ta’ 62% – jitkellmu weħidhom.
//= $special ?>