Raġel ta’ 54 sena minn San Pawl il-Baħar ġie kundannat erba’ snin ħabs fuq serqa minn ħanut tal-logħob li ma rnexxietx. Domenic Fava ammetta quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammi li ttanta jisraq ħanut u żamm raġel kontra r-rieda tiegħu.
Huwa nstab ħati li fl-14 ta’ Ġunju, 2015, f’San Pawl il-Baħar stess, flimkien ma’ persuna oħra huwa pprova jisraq u li sar riċediv. Ma’ dan huwa kellu żewġ akkużi oħra li uża arma u li għamel dan ir-reat waqt sentenza ta’ probation, li iżda ma nstabx ħati fuqhom.
Fil-Qorti, Pulizija, xehed kif kienu ġew infurmati li kien hemm attentat ta’ serqa fuq ħanut tal-logħob. Meta marru fuq il-post sabu l-impjegat bi dmija fuq wiċċu. L-impjegat spjega lill-Pulizija kif raġel daħal fil-ħanut liebes l-elmu u b’arma f’idu. Il-pulizija spjega li r-raġel induna li l-arma kienet finta u pprova jirreżisti. Kawża t’hekk ir-raġel spiċċa weġġa’ ħafif.
Persuna li kienet fit-triq qalet lill-Pulizija li rat karozza għaddejja kemm-il darba minn quddiem il-ħanut u li rat persuna bl-elmu tidħol fil-karozza li ħarbet minn fuq il-post. Din ix-xhieda ġiet imsaħħa minn filmati tas-CCTV.
Permezz ta’ telefonata anonima l-Pulizija sabu l-karozza li ntużat fis-seqa f’Bormla. Din il-karozza kienet tgħajjat lill-akkużat. Mal-Pulizija l-akkużat ammetta l-involviment tiegħu fis-serqa. Fit-tfittxija li saret fid-dar tal-akkużat instab l-elmu u arma tan-nar falza.
Ir-raġel li kien fil-ħanut xehed li kien hemm xi nies meta l-akkużat daħal biex jisraq. Fava kellu pistola, li dehret li hi falza u ordnalu ma jiċċaqlaqx. Qal li l-akkużat imbuttah u xi ħin qala’ daqqa f’moħħu. Qal li l-akkużat ħarab minn fuq il-post idu f’idu.
Fil-Qorti ħareġ li l-akkużat kellu trobbija diffiċli u li storja ta’ abbuż ta’ droga. Meta ġiet għas-sentenza, il-Qorti qieset li r-raġel ammeta iżda rat ukoll li ngħata kemm-il darba opportunità biex jibdel ħajtu iżda kien kollu ta’ xejn. Innotat li għandu diversi każijiet differiti għax ma kienx imur għas-seduti.
Għalhekk ikkundannatu erba’ snin ħabs.
//= $special ?>