Il-komunità internazzjonali kompliet iżżid il-pressjoni fuq Iżrael biex iħaffef u jiffaċilita l-missjoni ta’ fejda għall-familji Palestinjani fil-Medda ta’ Gaża….Dan meta t-territorju amministrat mill-grupp Ħamas jinsab fl-eqqel tal-akbar kriżi umanitarja għal snin u fejn il-familji qed ikomplu jbatu l-ġuh minkejja li l-Iżraeljani qed jippermettu biex ‘il-minimu possibbli’ tal-għajnuna jasal lill-aktar persuni vulnerabbli.
Intant, it-trabi u t-tfal ċkejknin huma l-akbar vittmi tal-offensiva li l-Iżraeljani ilhom imexxu kontra l-Ħamas f’Gaża għal dawn l-aħħar ġimgħat.
Dan meta Tom Fletcher, bħala l-Kap tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Operat Umanitarju, wissa li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, xejn anqas minn 14,000 trabi kapaċi jitilfu ħajjithom b’kaġun tal-ġuh fi kwistjoni ta’ ġranet.
Iżrael ilu jimblokka t-trasport tal-ikel u għajnuna oħra lejn Gaża għal aktar minn 11-il ġimgħa, bl-Uffiċjali militari Iżraeljani jtennu li dan qed isir bħala parti mill-pressjoni fuq it-terroristi tal-Ħamas biex huma jeħilsu l-għexieren ta’ ostaġġi li għadhom miżmuma fit-territorju.
Fl-aħħar sigħat, in-Nazzjonijiet Uniti qalet li Iżrael ta permess biex madwar 100 trakk tal-għajnuna jaqsmu l-fruntiera lejn Gaża, b’Tom Fletcher ifisser dan il-ġest bħala ‘sempliċi qatra fl-oċean’.
U fl-aħħar sigħat, kien hemm indikazzjonijiet ta’ ostakli anki għal dawn it-trakkijiet u meta ftit ħafna minn dawn il-vetturi dehru fi triqthom lejn iz-zona ta’ Gaża li qed ibatu l-akbar impatt tal-gwerra….Dan meta l-ġlieda mal-ħin biex isalvaw it-trabi u t-tfal Palestinjani saret aktar akuta wara li huma ilhom ibatu l-ġuh għal aktar minn xahrejn.
L-Iżraeljani, sadanittant, qalu li l-familji ta’ Gaża jeħtieġu li, għalissa, jikkuntentaw bil-minimu tal-ikel…Fl-istess ħin, Iżrael qed ikompli jiċħad li qed iżomm il-kunsinni tal-ikel lin-nies ta’ Gaża bħala ‘tattika tal-gwerra’.
L-attakki tal-qawwiet tal-ajru Iżraeljani fuq iz-zoni ta’ Gaża komplew fl-aħħar sigħat fost l-istqarrijiet tal-Iżraeljani li kienu qed jimmiraw għaċ-ċentri tal-kontroll tal-Ħamas….Dan fost rapporti ta’ mill-anqas 50 mejtin u kwantità kbira ta’ midruba – bil-Mexxejja tar-Renju Unit u pajjiżi oħra tal-Ewropa jesprimu xokk u kundanna dwar l-eskalazzjoni tal-azzjonijiet militari min-naħa tal-Iżraeljani.
Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, tenna, sadanittant, li ‘il-gwerra kapaċi tintemm minn issa’ f’każ li l-Ħamas jeħilsu lill-ostaġġi. Dan fost indikazzjonijiet li fadal bejn 20 u 30 ostaġġi ħajjin qalb il-moħbiet tat-terroristi f’Gaża — bl-Iżraeljani jkomplu jakkużaw lit-terroristi b’li qed jużaw liċ-ċivili Palestinjani bħala tarki umani.
Min-naħa tagħhom, il-Gvernijiet tar-Renju Unit u Franza qed jinsistu li l-ostaġġi jistgħu jinħelsu biss jekk Iżrael jikkommetti ruħu bis-serjetà għal waqfien mill-ġlied….Dan fost l-insistenza biex tirranka l-missjoni ta’ fejda għall-Palestinjani f’Gaża ‘qabel ikun tard wisq’ u meta l-ftit ikel li qed jasal lill-familji qed ikun imfisser bħala ‘kompletament inadekwat’.
//= $special ?>