Il-Parlament illejla sellem il-memorja ta’ Charles Attard, missier id-Deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ u ddeskrivih bħala raġel li kien jgħożż il-valur tal-familja.
F’din it-tifkira tkellmu l-Ispeaker Anġlu Farrugia, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, il-Ministru Owen Bonnici u d-Deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sellem il-memorja ta’ Charles Attard u qal li Charles Attard kien raġel li jgħożż il-familja u qal li kien ittrasmetta dawn il-valuri lil uliedu. Għalhekk dawn il-valuri għandhom ikunu dejjem miżmuma b’għożża billi dawn jinżammu ħajja fis-soċjetà.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li fil-politika l-aktar li jbatu huma l-membri tal-familja tal-politiċi u għalhekk wera apprezzament għall-appoġġ li l-ġenituri jagħtu lil uliedhom fil-politika. Fil-fatt Graziella Attard Previ ddiskriviet lil missierha bħala kolonna u persuna li dejjem taha appoġġ fil-ħajja tagħha.
Il-Ministru Bonnici qal li Charles Attard kien ta l-valuri l-iktar għeżież lil bintu Graziella u dan jidher mill-ħidma li hi twettaq fil-Parlament favur iż-żgħir u l-batut. Dawn huma valuri li jgħaddu mill-ġenituri għall-ulied.
Id-Deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ rringrazzjat l-appoġġ li sabet mis-soċjetà, partikolarment mill-kollegi deputati, ħbieb u mill-kollegi mill-post tax-xogħol. Hi qalet li missierha kien isegwi l-Parlament għax kien iżomm ruħu aġġornat u issa jinsab kuntent b’din it-tifkira li qed issirlu propju fil-Parlament. Se nagħmel l-almu kollu tiegħi biex il-valuri tal-onestà, ir-rispett u l-ġenwinità u l-imħabba li kellu missieri nibqa’ ngħożżhom, sostniet Graziella Attard Previ.