Lokali

“Il-Prim Ministru m’għandux il-poter tal-assoluzzjoni preventiva” – Repubblika

Ir-rimarki tal-Prim Ministru Robert Abela wara l-aħbar li l-Pulizija Belġjana qed jinvestigaw lill-Ewrodeputat Daniel Attard huma barra minn lokhom u jippreġudikaw b’mod goff il-perkors normali tal-infurzar tal-liġi.

Dan intqal fi stqarrija minn Repubblika li spjegaw kif Robert Abela ddeskriva s-suġġett tal-investigazzjoni tal-Pulizija Belġjana bħala “ultra de minimis“, jiġifieri xi ċuċata ċkejkna li m’għandha għalfejn iddejjaq lil ħadd. Robert Abela qal li “m’hemmx allegazzjoni ta’ korruzzjoni”.

Il-Pulizija Belġjana qed jinvestigaw lil Daniel Attard fil-kuntest ta’ indaġni ta’ rigali u inċentivi mħallsa minn soċjetà privata biex jinfluwenzaw ewrodeputati.

Kuntrarju għal dak li jgħid Robert Abela, il-ħlas minn lobbies privati f’rigali u inċentivi lil nies fil-ħajja pubblika hi korruzzjoni u hi xi ħaġa serja u gravi ħafna. Il-Pulizija Belġjana, kif jixraq, qed tieħu l-materja bl-akbar serjetà u mhix qed taġixxi għax ġara xi ħaġa li ma kinitx agħar minn ultra de minimis.

Daniel Attard hu biss is-suġġett ta’ investigazzjoni għalkemm l-ispjegazzjoni li ta mhi sodisfaċenti xejn. L-ewwel waħħal f’assistent tiegħu għax sab ruħu f’VIP Box fi stadium tal-futbol ma’ lobbyist tal-Huawei. Imma mbagħad ammetta li kellu laqgħa sussegwenti ma’ dan il-lobbyist fil-bini tal-Parlament. Dan minnu nnifsu mhux prova ta’ reat imma tal-anqas juri li Daniel Attard ma jafx jevita ċirkostanza kompromettenti, jekk mhux ukoll imur ifittixhom.

Hu iżda għall-Pulizija Belġjana li tiddetermina għandux każ xi jwieġeb.

Żgur ma jmissx lill-Prim Ministru ta’ Malta li jassolvi lil sieħbu Attard qabel il-Pulizija setgħet biss tagħmel xogħolha.

Robert Abela f’Malta ħadha drawwa jiddeċiedi min minn fost sħabu tal-Partit tiegħu hu ħati u min hu innoċenti mingħajr ma jħalli ‘l-istituzzjonijiet responsabbli jaħdmu. Issa qed jestendi din id-drawwa għax-xogħol tal-Pulizija ta’ pajjiżi oħra wkoll.