Lokali Parlament

Il-Prim Ministru se jaħtaf il-kontroll tal-Bord tal-Appelli dwar l-offerti tal-gvern

Adrian Delia, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia sostna fil-parlament li l-Prim Ministru se jkun qed jikkontrolla u jaħtaf b’mod totali l-Bord tal-Appelli fil-kuntest tal-akkwist pubbliku.

Meta kien qed jitkellem fid-dibattitu parlamentari dwar regolament li jemendew ir-regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku Adrian Delia qal li meta l-gvern jixtri, tidħol il-kunsiderazzjoni tal-użu tal-fondi pubbliċi u għalhekk il-gvern irid jagħti rendikont ta’ għemilu. Għalhekk ukoll irid ikun hemm l-għaqal u t-trasparenza skont il-proċeduri speċifikati ta’ proċessi fil-pubbliku.

Wara dan, meta tingħata l-offerta jkun hemm dritt tal-appell li jmur quddiem bord ta’ reviżjoni. Dan il-bord jiltaqa’ u jisma’ każi li jitrattaw miljuni ta’ ewros f’xogħol; għalhekk dan hu bord ta’ importanza kbira bl-awtonomija u l-indipendenza bħala prijorità.

Hu l-Prim Ministru li jagħżel il-membri ta’ dawn il-bord iżda issa l-Prim Ministru se jkun jista’ jagħżel iktar minn bord wieħed u jiddeċiedi l-operat kollu ta’ dan il-bord.

Għalhekk dawk id-dgħjufiet fis-sistema issa se jitkomplew jitmermru, sostna Adrian Delia, li kompla li għandu jkun hemm garanzija li dawn il-membri ma jitneħħewx għaliex inkella jkun hemm diffikultajiet. Dan il-Bord tal-Appelli, li jiddeċiedi l-miljuni, se jingħażel mill-Prim Ministru u se jingħata iktar setgħat propju biex kollox jikkmanda l-Prim Ministru.

Il-ħlas lil dawn il-membri tal-bord hi wkoll deċiża mill-Prim Ministru u hux stipulata mil-liġi. Dawn huma emendi li se jsaħħu lill-Prim Ministru u qed tiddgħajjef is-sistema, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li s-saħħa tal-bord qiegħda fil-fatt tonqos.

Id-deputat Nazzjonalista qal li fl-2021 kien sar rapport dettaljat dwar in-nuqqasijiet u kien hemm rakkomandazzjonijiet iżda minn dawn ma kienu milqugħa xejn. Proposta partikolari kienet dwar kjarifiki mitluba dwar l-offerti biex dawn ikunu iktar miftuħa biex titnaqqas l-interpretazzjoni u jkun evitat il-ħela ta’ żmien. Punt ieħor kien li l-istimi li jsiru dwar dak li jkun se jintefaq iżda l-gvern mhuwiex kapaċi jista’ u jagħti valur ta’ dak li effettivament isir.

Adrian Delia semma’ d-Dipartiment tal-Emerġenza f’Mater Dei u l-problemi li hemm u qal li issa l-gvern ħareġ l-offerta bi stima ta’ €80 miljun. Ma’ dan, il-gvern inkluda wkoll is-swali għall-kura għas-saħħa mentali.

Kien hemm offerta waħda li daħlet għal dan ix-xogħol għalkemm kien hemm min ipprova jdaħħal offerta oħra iżda s-sistema ta’ aċċettahiex minħabba problema teknika. L-offerta li daħlet kienet ta’ madwar €140 miljun; ferm ogħla mill-istima li għamel il-gvern. Dan juri li jew il-gvern mar żmerċ jew saret offerta ogħlja wisq. Dan juri lis-sistema mhijiex taħdem.

Hu semma’ l-garanziji li jintalbu mal-offerti minn qabel u qal li qed ikun hemm min jaqta’ qalbu. Dwar il-kanċellament tal-offerti, id-deputat Nazzjonalista qal li qed ikunu kanċellati offerta ma jkun hemm raġuni mgħotija.

Dawn l-offerti jkunu jiswew mijiet ta’ eluf minn dawk li jippreżentawhom iżda l-gvern jikkanċella kollox bla obbligu li jispjega. Dan qed iwassal biex jiżidedu l-appelli quddiem il-Bord tal-Appelli u inqas investituri barranin li jipparteċipaw; dan minħabba iktar kontroll tal-gvern ċentrali meta suppost li dawn ikunu trasparenti.

Adrian Delia kompla li, bla ma ngħataw raġunijiet, f’perjodu qasir inbidlu erba’ persuni fil-Public Procurment u staqsa jekk hemmx direct orders fil-Minsteru tas-Saħħa li qed jiġġeddu sena wara sena biex jingħataw lill-istess nies. Hemm każi fejn direct orders qed jiġġeddu għall-11-il darba fil-Public Procurement lill-istess operaturi, sostna Adrian Delia.