Lokali Mużika

Ilħna li Jibqgħu: Kunċert li ġab wisq memorji ħelwin

Noel D’Anastas

Il-kunċert ‘Ilħna li Jibqgħu’ – kunċert ta’ kanzunetti klassiċi li fakkar lil dawk il-vuċijiet ikoniċi li ħallewna matul dawn l-aħħar snin. Attendenza kbira ta’ kull età, nhar il-Ħadd 18 ta’ Mejju mlew kull siġġu ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt u l-apprezzament għal dawn l-artisti li llum m’għadhomx aktar magħna kien evidenti fil-kant ma’ kull vers u ċċapċip għal kull interpretazzjoni minn dawk preżenti.

Bosta kanzunetti li għandhom it-timbru vokali tal-Bayzo, Joe Cutajar, Enzo Gusman, The Greenfields, Joe Grech, Sammy Bartolo li kiseb suċċess man-New Cuorey, Dominic Grech l-ikona ta’ The Tramps, Jon Lucas Woodenman li kien kiseb suċċess fl-Ingilterra, u Tony Gauci ‘il-Kampanjol’ ingħataw tislima xierqa, liema kanzunetti tagħhom ħallew impatt fl-istorja tal-mużika popolari ta’ dawn l-aħħar 50 sena.

Bosta kienu l-kanzunetti li fakkru dawn il-leġġendarji, il-memorji tal-Festival tal-Kanzunetta Maltija tas-snin 80 u l-bidu bikri tad-90, is-sbuħija tal-kanzunetti li ħarġu mill-Malta Folk Song Contest tas-snin sebgħin li naqqxu s-sens ta’ Identità Maltija, u kanzunetti oħra li kienu qed jagħmlu bejgħ tajjeb fl-industrija tad-diski Maltin tas-sebgħinijiet, żmien tad-deheb meta d-diski Maltin kienu qed jinbiegħu bħal pastizzi.

Fost il-kanzunetti li smajna nsemmi Xemx, L-Ewwel Tfajla li Ħabbejt, Qalu li Raw, Niftakar, Bħal daż-Żmien konna Flimkien, L-Aħħar Bidwi f’Wied il-Għasel, Xemx, Inti Djamant, il-medley bil-kanzunetta tal-Greenfields fosthom Il-Karozzin, u Iż-Żmien Għaddej li fihom tispikka wkoll il-vuċi ta’ Carmen Tanti li ħallietna sentejn ilu; Fil-Pjazza tar-Raħal, Għax għadni Nħobbok mill-final tal-Festival tal-Kanzunetta Maltija 1991, Il-Kaċċatur, Qalb ta’ Kampanjol, u Can’t Afford to lose – l-unika kanzunetta bl-Ingliż– u tant oħrajn kollha ġew interpretati b’mod brillanti minn uħud mill-aqwa artisti vokali tal-lum – liema kanzunetti ġabu tant memorji ħelwin meta dawn kienu jindaqqu b’talba ġenerali fil-programmi ta’ PO Box 10 fuq Radju Malta.

Dawn ġew interpretati minn Georgina, Cliff Zammit Stevens, Claudia Faniello u ħuha Fabrizio, Faniello, Daniel Cauchi, Sarah Bonnici, il-grupp MARA, Ludwig Galea, Kevin Paul u Claudio Teuma Castelletti. Eċċellenti kienu d-dwetti fl-interpretazzjonijiet ta’ wħud mill-kanzunetti. Dawn kellhom arranġamenti moderni, esegwiti minn orkestra tajba taħt id-direzzjoni ta’ Mro Paul Abela.

Il-preżentazzjoni tal-kunċert saret minn Angela Agius, waħda mill-veterani tal-xandir lokali li fl-aneddoti tagħha dawret l-arloġġ lura għal meta hi stess kienet tippreżenta lil dawn l-artisti f’għadd ta’ festivals u ljieli Maltin, kif ukoll meta hi kienet tippreżenta programmi għar-radju u televiżjoni.

Il-kunċert kien parti mill-programm kulturali tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għall-2025.