Lokali

“In-nomini għall-Qorti Ewropea għandhom isiru b’mod meritokratiku” – Repubblika

B’riferenza għat-tiftix ta’ kandidat Malti għal imħallef fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, Repubblika nnutat li kandidat wara l-ieħor mibgħut mill-gvern qed jintgħażel direttament mill-ministri mingħajr ebda forma ta’ sejħa pubblika jew kompetizzjoni meritokratika.

Fi stqarrija’ Repubblika tenniet li mingħajr ma jidħlu fil-kredenzjali tal-kandidati li bagħat il-gvern, hu ċar li l-kandidati kollha magħżula mill-ministri huma b’xi mod qrib jew qrib ħafna tal-Partit Laburista. Waqt li dan waħdu m’għandhux jeskludihom milli jkunu kandidati, mhu tajjeb għal ħadd li l-gvern jagħlaq għajnejh għal kandidati possibbli oħra.

Minn wara l-kawża ta’ Repubblika kontra l-Gvern Malti fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, il-ħatra ta’ imħallfin f’Malta m’għadhiex rigal f’idejn il-gvern. Minflok, għall-pożizzjonijiet ta’ imħallfin u maġistrati fil-qrati Maltin issir kompetizzjoni u għażla biss fuq il-mertu u l-kapaċitajiet tal-kandidati li japplikaw.

M’hemm ebda raġuni għalfejn il-ħatriet ta’ imħallfin Maltin fil-Qorti Ewropea għandha tkun differenti.

Repubblika għalhekk qed jinkoraġixxu l-adozzjoni ta’ norma ġdida li nomini għall-Qorti Ewropea jiġu amministrati mill-Kumitat imwaqqaf apposta fil-Kostituzzjoni għal Ħatriet Ġudizzjarji li iżda jibgħat l-għażla tiegħu lill-Qorti Ewropea wara sejħa pubblika u proċess ta’ għażla fuq il-mertu u mhux fuq il-kredenzjali politiċi jew partiġjani tal-kandidati.