Lokali Qorti

Ingliż mixli li importa 40 kilo kannabis grass

Ingliż ta’ 40 sena minn Blackpool ġie mixli quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo li nhar it-Tnejn li għadda huwa importa 40 kilo droga kannabis grass għal skop ta’ traffikar. Richard Baxter kien akkużat li ftihem ma’ persuna jew persuni oħra biex idaħħal l-imsemmija droga f’Malta.

L-akkużat wasal Malta fuq titjira minn Dubaj u nqabad bid-droga fl-ajruport li kienet fil-bagalja tiegħu. Il-Pulizija kellhom suspett li kien qed iġorr id-droga u l-uffiċjali tad-dwana għamlu l-verifiki tagħhom permezz ta’ li scanner li hemm fl-ajruport.

Wara huma bagħtu għall-Pulizija mit-Taqsima ta’ Kontra d-Droga fejn irriżulta li l-akkużat kien ġie Malta biss għal ftit jiem. L-Avukat tiegħu, Martina Herrera, m’għamlitx talba għall-ħelsien anke minħabba l-fatt li l-akkużat m’għandux indirizz fiss f’Malta. Għaldaqstant huwa ntbagħat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Huwa ġie mixli wkoll li kellu fil-pusses tiegħu d-droga f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kinitx għal użu personali tiegħu.

Baxter tressaq mill-Avukat Nadia Ciappara mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mill-Ispettur John Leigh Howard.