Maryrose Chircop, mart il-vittma tal-Avukat Carmel Chircop li kien inqatel fl-2015, kienet spjegat lil Keith Arnaud, l-investigatur prinċipali fl-omiċidju ta’ żewġha, li kull filgħodu żewġha kien iħobb imur għal kafe n-Naxxar u darba minnhom kienet miegħu u ltaqgħu ma’ Adrian Agius (ritratt) u semgħetu jsaqsi lil Adrian hux se jkompli jtih flus u Adrian qallu li ‘inti jmissek il-villa’.
Is-Sinjura Chircop qalet li bejn 14 u t-22 ta’ Settembru 2015 hi u żewġha kienu l-Italja u darba minnhom semgħet lir-raġel jitbaqbaq ma’ Adrian Agius fuq il-flus li kellu jieħu. Chircop kienet qalet li f’Lulju tal-2015 żewġha kien ħadha miegħu Baħar iċ-Ċagħaq u kien uriha villa li kienet offruta lilhom bħala ħlas għall-flus li kellu jiġbor mingħand Adrian Agius. Hija kienet qalet lir-raġel biex ma jeħdux il-villa u l-ammont dovut baqa’ pendenti.
Sadanittant dwar il-każ ta’ Daphne Caruana Galizia saret analiżi komparattiva fuq il-filmati meħuda minn kameras fil-qrib tad-dgħajsa ‘Maya’. Il-karatteristiċi distintivi tagħha ġew innutati u rriżulta li fil-fatt kienet din id-dgħajsa partikolari nqabdet fuq il-kameras ħierġa mill-Port il-Kbir fil-jum tal-qtil tal-ġurnalista.
It-tfittxijiet fuq George, Alfred Degorgio u Vince Muscat saru fil-preżenza tagħhom. L-oġġetti u l-apparati elettroniċi kollha kienu ngħataw lill-Europol. Ċertu Miguel Caruana kkonferma li kien irċieva telefonata mingħand George Degoorgio sabiex jittoppjalu mowbajl b’€5, li minnu saret it-telefonat li bagħatet l-SMS fatali li qerdet il-ħajja ta’ Caruana Galizia.
Saru wkoll tfittxijiet fir-residenzi tagħhom. It-Tinda tal-patata kienet wkoll ingħalqet b’kordun. Instabet ukoll dgħajsa oħra, irreġistrata f’isem George Degorgio. Dan ħareġ fil-ġuri li qed jinstema’ f’awla 22 tal-Qorti kontra erba’ rġiel, liema ġuri issa daħal fit-23 ġurnata tiegħu b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fl-2017 u l-Avukat Carmel Chircop fl-2015.
Fil-ġuri li qed tippresedi l-Imħallef Edwina Grima, hemm akkużati l-aħwa Adrian u Robert Agius, magħrufa aħjar bħala Ta’ Maksar, kif ukoll Jamie Vella u George Degiorgio, li qed jiffaċċjaw akkużi differenti b’konnessjoni mal-qtil ta’ Chircop.
Chircop kien inqatel fit-8 ta’ Ottubru, 2015, filwaqt li Caruana Galizia kienet inqatlet fis-16 ta’ Ottubru tal-2017. Adrian Agius huwa akkużat li kkummissjona l-attakk fuq l-avukat, li l-prosekuturi jallegaw li twettaq bil-kompliċità ta’ ħuh Robert, flimkien ma’ Vella u Degiorgio.
Robert Agius u George Degiorgio magħruf bħala “Iċ-Ċiniż, huma akkużati li pprovdew il-bomba fl-assassinju ta’ Caruana Galizia. L-irġiel kollha qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom. L-Assistent Kummissarju Keith Arnaud l-ewwel xehed dwar il-qtil tal-Avukat Carmel Chircop u wara dwar l-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Arnaud beda x-xhieda tiegħu billi spjega kif fit-8 ta’ Ottubru 2015 hu kien issejjaħ Birkirkara u meta mar fil-post f’kumpless ta’ garaxxijiet sab lill-Avukat Carmel Chircop mejjet f’garaxx f’Birkirkara, x’aktarx b’tiri ta’ arma tan-nar.
Spjega li xi ġirien semgħu madwar ħames tiri għall-ħabta tas-7am, anke ftit qabel u wieħed minnhom, li kellu wkoll garaxx fil-kumpless kien sab il-katavru f’għadira demm. Keith Arnaud qal li fuq il-post ma nstabu l-ebda skrataċċ sparati li setgħu jgħinu lill-Pulizija dwar l-arma li ntużat.
Tenna li kienu kellmu lil persuna li sab lil Chircop mejjet fil-garaxx tiegħu u lil mara tal-vittma. Qal li mill-investigazzjonijiet li saru b’mod immedjat, kameras tas-sigurtá fi Triq John Borg kienu qabdu karozza li tidher qed tidħol fil-kumpless ta’ garaxxijiet fejn Dr Chircop instab mejjet.
Mill-filmati qal li deher Augustine Griscti, il-persuna li sab lil Chicop mejjet bil-mobile f’idu u jidher mifxul. Arnaud beda jsemmi r-rotta meħuda minn karozza Toyota Ractis wara l-qtil li ħarġet mill-kumpless tal-garaxxijiet. Issemma wkoll is-‘sun visor’ imniżżel fuq in-naħa tal-passiġġier.
Il-karozza baqgħet tiġi segwita u rriżulta li baqgħet sejra sa Fleur De Lys wara li għaddiet minn Triq Braille Santa Venera madwar sitt minuti wara li seħħ il-qtil. Minn hemm ma kienx hemm iktar CCTV cameras. Il-karozza għaddiet qabel minn fejn bank u l-ground tal-Infetti, dejjem fil-lokalità ta’ Birkirkara. Issemmiet ukoll Triq Azzopardi bil-karozza ddur għal triq Guże Orlando, fejn imbagħad wasal lejn il-venda tal-karozzi.
Wara għat-triq ta’ Farsons, imma mhux mit-triq prinċipali għal Triq Notabile. L-aħħar darba li l-karozza nqabdet kienet lejn ir-roundabout ta’ Fleur de-Lys, fejn il-Bank of Valletta. Arnaud semma maħzen fi Triq il-Furnar, Ħal Qormi, li kien se jinbiegħ lid-Diretturi ta’ More Supermarkets imma l-konvenju ma sarx. Ryan Schembri, wieħed mid-Diretturi, fil-frattemp kien ħarab minn Malta.
Wara d-delitt ta’ Carmel Chircop, Adrian Agius kien issejjaħ u ta dikjarazzjoni lill-Pulizija li fiha kien spjega n-negozju li kellu mal-vittma dwar maħżen f’Ħal Qormi, li iżda sfaxxa. Adrian Agius kien qal li hu ma kellux għalfejn joqtol lill-Avukat Chircop għax kien se jiftaħlu kawża ċivili u jiġġelidha dwar il-validitá tal-iskrittura li kien għamlu bejniethom dwar il-bejgħ ta’ maħzen li minnu kien se jsir qligħ ta’ madwar €700,000.
Adrian Agius qal li l-Avukat Chircop kien sikwit jitolbu jħallas id-dejn li kellu miegħu u ġieli kellhom argumenti bejniethom. Wara x-xhud qal li l-Pulizija bdiet tiffoka fuq Adrian Agius, u li dan ġie arrestat. Dan kien joqgħod Ħaż-Żebbuġ, imma l-arrest tiegħu sar tlett ijiem wara għax kien imsiefer. Huwa kien mar min jeddu d-depot meta kienet infurmatu l-mara li marru l-Pulizija għalih.
Ikkonferma li kien involut fuq ix-xiri tal-maħżen minħabba li kien wieħed mid-Diretturi ta’ More Supermarkets. Il-maħżen riduh biex jinkovertuh f’uffiċini u li minnu l-Avukat Chircop kien se jagħmel qliegħ ta’ €700,000.
Keith Arnaud qal li Adrian Agius kien qal lill-Pulizija li kien offra lill-Avukat Carmel Chircop biex iħallas id-dejn li kellu bin-nifs iżda qal li Dr Chircop m’aċċettax. Agius, qal ix-xhud kien qallu li hu ma kellux għalfejn joqtol lill-Avukat Chircop, anzi kien se jiftaħlu kawża biex jattakka l-validità tal-kuntratt li kellhom bejniethom.
Dwar meta l-Avukat Chircop kien qed jitbaqbaq miegħu fuq it-telefon, Agius qallu li dan kien argument żgħir u ma kienx hemm ġlied. Għaldaqstant ix-xhud qal li ma kien hemm ebda evidenza fuq il-każ. Kien ingħata l-police bail u l-arrest tiegħu spiċċa biex waqa’.
Ix-xhud ikkonferma li l-vittma ntlaqat minn erba’ tiri u fuq il-post instabu żewġ balal oħra li jfisser li b’kollox ġew sparati sitt tiri. Ikkonferma wkoll li skrataċċ fuq il-post ma nstabu xejn. Ix-xhud qal li kienu ġew mitkellma xi nies.
Id-dgħajsa Maya li minnha ġiet attività l-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia telqet mill-Port fis-7.55am. u spiċċat lura fil-Marsa fit-3.20pm.
L-Ispettur Kieth Arnaud qal li mill-analiżi li għamlu fuq is-CCTV tal-Port il-Kbir ħareġ li l-aħwa Degiorgio kellhom lanċa kull wieħed. Tenna li mill-filmati qagħdu attenti jekk jarawx xi waħda minn dawn id-dgħajjes u tenna li d-dgħajsa ta’ Alfred Degiorgio, il-Maya, ħarġet mill-Port il-Kbir fit-7.55am tas-16 ta’ Ottubru, 2017 u ġibdet lejn it-Tramuntana.
Żied jgħid li fit-2.55pm, fil-ħin li ġiet attivata l-bomba, id-dgħajsa daħlet fil-breakwater u waqfet taħt il-Barrakka t’Isfel u għall-ħabta tat-3.20pm daħlet lejn il-Marsa, eżattament minn fejn telqet minn taħt it-tinda tal-patata.
Dan irriżulta meta l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud xehed dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Arnaud xehed li fis-16 ta’ Ottubru kien infurmat li persuna nqatlet fi splużjoni ta’ bomba f’karozza fi triq il-Bidnija.
Kif wasal fuq il-post, Arnaud qal li l-vettura kienet mitfija min-nirien u l-post kien qed jingħalaq. Mill-investigazzjoni li saret, ġie stabbilit li l-vettura Peugeot 108 kienet mikrija lill-vittma Daphne Caruana Galizia.
Hu qal li tkellem ma’ binha Matthew li kkonferma li ommu kienet tagħmel użu minn dik il-vettura. Kompla li ġie deċiż li jinħatru esperti barranin mill-Olanda kif ukoll l-FBI tal-Istati Uniti, dawn tal-aħħar kienu qed janalizzaw data ta’ telefonija filwaqt li l-esperti Olandiżi kienu qed jassistu fl-analiżi tax-xena tad-delitt.
Hu xehed li hu flimkien mal-Ispettur Kurt Zahra tkellmu mal-familjari tal-vittma u kkonfermaw li l-karozza kienet mikrija għand il-vittma fl-aħħar erba’ xhur. Ċavetta minnhom kienet għand il-familja u oħra kienet għand il-kumpanija li tikri.
Il-karozza kienet użata mill-vittma l-Ħadd filgħodu u waranofsinhar użaha binha Matthew u pparkjaha barra mir-residenza. Dakinhar tal-attentat ħadd ma uża l-karozza qabel il-vittma għall-ħabta tat-3p.m. Għall-ħabta tat-2.55p.m. Matthew Caruana Galizia qal li ommu ħarġet sakemm reġgħet daħlet għax nesiet iċ-cheque book.
Wara ftit reġgħet ħarġet u saqet. Imbagħad sema’ l-isplużjoni u ra l-karozza taqbad iżda kien tard wisq biex jagħmel xi ħaġa. Keith Arnaud kompla li l-post kien magħluq l-aċċess għal erbat ijiem sħaħ sabiex ikun aċċertat li tinġabar l-evidenza kollha.
L-esperti Olandiżi waslu l-għada tal-isplużjoni u ġabru l-evidenza li kien hemm fuq il-post. Fit-tielet jum, inġabret il-karozza u tinsab monitored f’compound tal-Pulizija, mgħasses b’cameras tas-CCTV 24 siegħa kuljum.
Minn riċerka li saret fl-Olanda, l-isplussiv kien stabbilit bħala wieħed “organiku”. Keith Arnaud kompla li saret ħidma biex tinġabar evidenza tal-cameras fil-Bidnija u tal-madwar li jammontaw għal madwar 25 siegħa.
Arnaud kompla li mill-investigazzjoni ġie stabbilit li aktarx kien hemm xi ħadd fil-viċin li qed isegwi l-movimenti tal-vittma fil-ġimgħat ta’ qabel. Dan għaliex il-vittma ma kellhiex rutina fissa. Kienu stabbiliti postijiet fejn tista’ ssir osservazzjoni, fosthom iz-zona magħrufa bħala tat-Tarġa Battery.
Parti miċ-ċint kien imwaqqa’ u wieħed jista’ jidħol f’fetħa fejn wieħed seta’ jara l-Bidnija kollha. Kompla li persuna li kienet fil-viċinanzi qal li kien innota vettura żgħira bajda li kienet tkun ipparkjata sikwit fl-aħħar tliet ġimgħat.
Il-persuna qal li dakinhar tal-isplużjoni, il-karozza kienet ipparkjata fid-direzzjoni lejn il-Mosta. Hu qal li baqa’ ħiereġ iżda fit-12.30pm il-karozza kienet għadha hemm. Il-karozza ma dehritx iktar wara li seħħ id-delitt.
Arnaud qal li meta fittxew din il-fetħa innota post fejn kien hemm sigarett li deher frisk. Eventwalment waslet il-Pulizija tal-Forensika li għamlet analiżi tal-post kif ukoll analiżi tal-loqma tas-sigarett. Hu qal li fil-ħin tad-delitt, Daphne Caruana Galizia kellha fuqha t-telefon ċellulari u l-aħħar attività kienet għall-ħabta tas-2p.m.
Arnaud qal ukoll li l-esperti tas-FBI bdew bil-ħidma tagħhom. L-esperti qalu li kien hemm numru ta’ Vodafone li nqata’ minn mat-torri tal-Vodafone fejn l-aħħar kuntatt kien fit-2.58p.m u kien messaġġ minn numru ieħor tal-kumpanija Vodafone.
Dan l-ewwel numru kien fil-viċinanzi tal-Bidnija filwaqt li t-tieni numru dak il-ħin kien jaqbad mat-torri magħruf bħala YMCA_A fil-limiti tal-Belt Valletta fit-tarf tal-Mediterran, li kien qed iħares fuq il-baħar. “Dan saħħaħ it-teżi tagħna li kien hemm spotter fil-Bidnija għal min bagħat il-messaġġ minn fuq il-baħar.”
Qal li ż-żewġ numri nxtraw f’Novembru 2016, kienu attivati viċin Ħaż-Żebbuġ fl-10 ta’ Jannar 2017. Dawn iż-żewġ numri kienu jikkomunkaw esklussivament ma’ xulxin u l-komunikazzjoni bejniethom matul dawn ix-xhur kienet tammonta għal madwar 20 minuta.
Fil-21 ta’ Awwissu, 2017 kienet irrekordjata attivita qrib iz-zona tal-Bidnija. “It-tielet u l-aħħar attività f’dawn iż-żewġ linji kienet dakinhar tad-delitt fiz-zona tal-Bidnija u fuq il-baħar,” tenna l-Assistent Kummissarju Arnaud.
Wara dakinhar, l-attività waqfet għal kollox. Wieħed min-numri tas-serje magħruf bħala IMEI ma kienx fil-fatt ta’ telefon ċellulari iżda kien GSM module li jieħu Sim card u jista’ jesegwixxi ordnijiet b’mod remot. Minn iktar stħarriġ irriżulta li telefon ċellulari minnhom inxtegħel fis-1.41 a.m. fl-inħawi tal-Bidnija u baqa’ fil-post għal diversi sigħat mingħajr attività sakemm intbagħat l-sms fit-2.58p.m.
Arnaud qal li mbagħad intefa’ għal kollox. Il-movimenti tat-telefon ċellulari l-ieħor beda jaqbad diversi postijiet bħax-Xgħajra, Pembroke, tas-Sliema, il-Belt Valletta. Dan kienet pjuttost suspettuż u kien innutat li dawn is-cell towers kienu jħarsu lejn il-baħar u dan saħħaħ it-teżi li dan in-numru kien fuq il-baħar.
Arnaud qal li esperti tal-isplussivi mill-Europol sabu biċċiet żgħar tal-plastik u biċċa plastik ħadra li din aktarx kienet parti minn board li jagħmel parti mill-GSM Module. Arnaud kompla jgħid li kien ikkonferma li l-bomba tqabbdet minn fuq il-baħar.
Kompla li s-Servizz tas-Sigurtà interċetta telefonata tal-imputat George Degiorgio u nstemgħet telefonata li saret dakinhar tad-delitt fid-8.58 am li nqabdet mit-torri ta’ Baħar iċ-Ċagħaq fejn qal “għamilli pjaċir ibgħatli €5 Vodafone” lil terza persuna.
Għaldaqstant, kompla Arnaud, kien hemm suspett li dawn in-numri kienu qed jintużaw minn George Degiorgio u għaldaqstant talbu wkoll il-profili tal-użu tat-telefons ċellulari ta’ ħu George Degiorgio, Alfred Degiorgio u Vincent Muscat.
It-tieni telefon kien dak li Degiorgio uża biex jibgħat l-SMS fatali li sploda l-bomba li qatlet lil Caruana Galizia. It-tieni mobile nstab fil-baħar fil-Marsa ħdejn it-tinda tal-patata fejn ġew arrestati Degiorgio u t-tnejn l-oħra akkużati b’kompliċità fir-reat.
Arnaud ta iktar dettalji tal-movimenti tal-aħwa Degiorgio u ta’ Muscat. Mit-torri tal-Vodafone fil-Bidnija, il-Pulizija stabbilixxew b’ċertezza li t-tlett irġiel, kultant flimkien, kienu flimkien darba fil-Bidnija viċin id-dar ta’ Daphne Caruana Galizia u diversi drabi oħra f’San Pawl il-Baħar, qabel seħħ id-delitt. Dan kien reġistrat mis-sinjali tal-mobiles tagħhom fit-torri tal-Bidnija.
Arnaud qal li mill-investigazzjoni mill-FBI rriżulta li nxtraw mobiles Nokia biex sar id-delitt. Qal li l-investigazzjoni kixfet li dawn il-mobiles bin-numri partikulari tagħhom spiss kienu jinqabdu mit-torri flimkien mal-mobiles bin-numri tal-akkużati.
Xhieda oħra li ta Arnaud kienet dwar il-loqma tas-sigarett li nstabet ħdejn il-batterija ta’ Tarġa Gap minn fejn setgħu jissindikaw il-movimenti tal-vittma. Huwa xehed li t-test tad-DNA wera li dan kien ta’ Alfred Degiorgio li l-Pulizija qed jgħidu li kien hu li ta s-sinjal lil ħuh li kien fuq dgħajsa biex jattiva l-bomba li kienet fil-karozza tas-Sinjura Caruana Galizia.
Huwa spjega li l-kampjun għat-test tad-DNA ittieħed fil-preżenza tal-Maġistrat Inkwirenti Anthony Vella. Qal ukoll li Vince Muscat ma aċċettax li jittieħdu kampjuni għad-DNA tiegħu. Spjega wkoll li fl-interrogazzjoni li ġiet iffilmjata kollha, it-tliet akkużati ma lissinux kelma.
Alfred Degiorgio ċempel darbtejn lil ħuh mill-Bidnija qabel seħħ id-delitt
Arnaud qal li dakinhar tad-delitt, Alfred Degiorgio kellu fi ftit ħin iċempel darbtejn lil ħuh fuq id-dgħajsa minħabba li l-vittma ħarġet u reġgħet lura d-dar għax kienet insiet ic-cheque book u allura qata’ l-ewwel telefonata. It-tieni telefonata għamilha biex jindika li l-vittma kienet rikbet il-karozza u dak il-ħin seħħet l-isplużjoni. Żied jgħid li t-tieni telefonata kienet twila biżżejjed biex min attiva l-bomba minn fuq il-baħar, seta’ jisma’ l-isplużjoni.
Ix-xhud qal li wara l-isplużjoni saru numru ta’ telefonati mill-mobile ta’ George Degiorgio li nstema’ jgħid b’ton ironiku li qabad żewġ ħutiet kbar u meta mistoqsi x’ħuta hi din, wieġeb li mbagħad jgħidilhom. L-Assistent Kummissarju qal li meta kellhom f’idejhom din l-evidenza talbu li jinħareġ mandat ta’ arrest mill-Maġistrat Inkwirenti.
Qal li fir-rejd fil-Marsa, instab mobile li nfetaħ fi tliet biċċiet u rriżulta li dan il-mobile kien jużah Alfred Degiorgio. Mit-tfittxija li għamlu l-għaddasa f’qiegħ il-baħar sabu seba’ mobiles – sitta Nokia 105 u wieħed Samsung. Arnaud qal li wieħed li kien fih ukoll is-sim card, kien ta’ Vincent Muscat u tnejn oħra kien jużahom George Degiorgio fosthom wieħed li ntuża għad-delitt u li kien għadu bis-sim card ġo fih.
Meta l-Pulizija affaċċjawhom bl-evidenza u staqsewhom fosthom oħrajn għaliex qatlu lil Daphne Caruana Galizia, ħadd mill-imputati ma wieġeb. Ma ridux lanqas li jikkonsultaw ma’ avukat. Din l-informazzjoni għandha rwol sinifikanti fil-proċedimenti legali li għaddejjin u fl-isforzi biex dawk responsabbli għall-qtil ta’ Daphne jitressqu quddiem il-ġustizzja.
Huma ppreżentaw diversi rapporti b’rabta max-xogħol li għamlu fejn anke anilizzaw ukoll xi loqom tas-sigarett li nstabu fl-inħawi.
L-Assistent Kummissarju żied jgħid li l-Pulizija bdiet tissorvelja lil Melvin Theuma meta ismu ssemma’ għall-ewwel darba fl-2018. Huma għamlu dan billi installaw kamera tas-sigurtà qrib dar fil-Marsa fejn kien imur Theuma frekwentament. Din id-dar kienet ta’ Mario Degiorgio li huwa ħu l-aħwa George u Alfred Degiorgio.
Arnaud qal li l-kamera ma tantx ipprovdiet informazzjoni kruċjali ħlief li kkonfermat iż-żjarat ta’ Theuma li kien iġib xi ikel jew iċempel lill-aħwa li jinsabu fil-ħabs. Darba minnhom, Theuma nstema’ jgħid li kien sejjer Portomaso. Arnaud spjega li l-investigaturi kienu qed jiffukaw fuq id-dar biss.
Hawn ix-xhud beda jispjega fuq meta Vince Muscat u l-aħwa Degorgio kienu marru josservaw lil Daphne Caruana Galizia fejn il-lukanda Phoenicia u li l-istess Muscat kien qal lill-Pulizija li l-aħwa Agius kienu pprovdew il-bomba li qatlet lill-ġurnalista.
Keith Arnaud jixhed li l-avukat Arthur Azzopardi qallu li l-klijent tiegħu, Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu, xtaq ikellem lill-pulizija. Issemma Melvin Theuma. Muscat talab maħfra bi skambju għal informazzjoni, jgħid Arnaud.
L-uffiċjal tal-pulizija jispjega fid-dettall x’kien qal Muscat lill-pulizija dwar il-qtil. “Kienu xtraw xi trombi biex isegwu sew il-passi ta’ Daphne Caruana Galizia,” qal Arnaud.
Ix-xhud qal li l-ewwel darba li kellem li Muscat kien fl-23 ta’ April 2018. Sa dak iż-żmien il-Pulizija kienet għadha ma tafx min kien Melvin Theuma, imma kienu jafu li kien qed jiddepożita xi flus il-ħabs lil xi persuni konċernati.
Dak inhar Muscat kien għadu mhux ċert f’liema garaxx ħadu l-bomba. Jiftakar li Jamie Vella kien qal xi kliem li b’din il-bomba” tifqagħha”. Kien issemma li George Degiorgio kien ġab arma bit-teleskopju magħha. Kienu wkoll ressqu viċin tagħha fejn id-dar u rawha fuq il-laptop taħdem, u l-pjan sa dak iż-żmien kmien li jisparawla b’rifle.
Arnaud qal li Muscat kien tah informazzjoni fuq garaxx in-Naxxar mikri minn Robert Agius u Jamie Vella. Mill-google maps kienu sabu l-garaxx tan-Naxxar. Irriżulta li kien krieh ċertu John Bugeja għan nom ta’ Robert Agius li kien għaddielu ċ-ċavetta u r-remote.
L-għada 24 ta’ April, qal ix-xhud Muscat kompla jitkellem miegħu fuq il-każ u semmielu wkoll fuq il-biċċa tad-dgħajsa meta Degiorgio ħareġ fuq il-baħar u li kien hemm numru ta’ telefonati bejn l-aħwa Degiorgio. Fuq mistoqsija x’jiġri jekk Daphne Caruana Galizia kellha toħroġ bil-karozza ma’ xi ħadd ieħor, x’jiġri – Muscat qallu li ma kienux iddiskutew din l-eventwalità.
Muscat żvela wkoll li kien hemm każ meta George Degiorgio kien ħareġ il-baħar u l-aħwa kienu qed jagħmlu telefonati. Dakinhar tal-qtil, Alfred Degiorgio, li kien fil-post tal-għassa li jħares lejn Bidnija, ma’ Vince Muscat, ċempel lil ħuh u qallu: “Hija reġgħet daħlet ġewwa.”
Dwar l-isplużjoni Muscat qal li l-bomba ma semagħiehx imma kien ra biss xi nar. Qal ukoll li mal-bomba kien hemm flixkun tal-plastik bil-petrol. Qal ukoll li George Degiorgio wara d-delitt kien għamel xi jumejn jixrob. Muscat qal li kienu wkoll qalu wkoll li kienu talbu ftit flus għal din il-biċċa xogħol.
Hu u Alfred Degiorgio kienu marru għal flus Marsascala għand Melvin Theuma, fejn Muscat ma kienx ħareġ mill-karozza u li kien saq hu biex jekk jiġri xi ħaġa Degiorgio ikun jista’ jaħrab bil-flus. Muscat kien qal lil Arnaud li kien jaf li kienu se jsiru l-arresti fil-Marsa, madwar 15-il ġurnata qabel.
Huma xorta kienu ppreferew li jinżlu fejn it-tinda tal-patata minkejja li kienu jafu li se jiġu arrestati biex ma tinqalax xi xena jekk jiġu arrestati d-dar minħabba l-familja. Dwar meta kien issemma l-eks Ministru Chris Cardona, qal li kienu qed jistennew biex jitilgħu għal kawża fil-Ferdinand’s Bar, li kien issemma fil-media, u qalu li issa l-mument li jwaħħlu fih, li kien tahom miljun ewro u dan biex Melvin Theuma ma jissemmix.
Ix-xhud semma’ wkoll il-każ ta’ Jonathan Pace, li kien ġie mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ Vince Muscat magħruf bħala l-‘Koħħu’. Pace kien jiġġestixxi l-ħanut “Tyson Butcher” fiż-Żejtun u kien mixli li spara sitt tiri b’pistola ta’ kalibru żgħir u li laqat lill-“Koħħu” bi tlieta minnhom.
Pace ta’ 31 sena mill-Gudja, kien inqatel ftit tal-ġimgħat wara b’diversi tiri ta’ arma tan-nar li laqtuh f’sidru, f’dahru u anke f’saqajh, liema qtil seħħ waqt li hu kien fil-gallerija tar-residenza tiegħu għall-ħabta tad-9.20 pm fi Triq Mahatma Gandhi fil-Fgura.
Dak il-ħin il-vittma kien għadu kemm ħareġ fil-gallarija tal-appartament fejn kien qed joqgħod wara li kiel, meta waqfet karozza u minnha ġew sparati diversi tiri, x’aktarx ta’ machine gun. Fis-26 ta’ April qal ix-xhud kellu meeting Kastilja, flimkien mal-Avukat Ġenerali Peter Grech u l-Avukat ta’ Muscat, Arthur Azzopardi fuq il-proklama tal-“Koħħu”.
F”Lulju, 2018 kien deċiż li jsir patrol mar-residenza ta; Vincent Muscat u anke l-avukat tiegħu Arthur Azzopardi minħabba l-biża li jiġri xi ħaġa. Qal li l-aħwa Degiorgio kienu kkonfrontaw lil Muscat, bl-avukati tiegħu dwar dak li kien qed jiġri. Din il-ħaġa kompliet tagħmel lil Muscat, panikuż.
Muscat qal lil Arnaud li kemm il-darba kien iwassal lil Alfred Degiorgio biex jiltaqa’ f’ħanut magħruf bħala “tal-gass”. Melvin Theuma skont Muscat kien jiġri warajhom biex ifittxu jeħilsu minn Daphne Caruana Galizia, għax hekk kien qed jordnalu ta’ fuqu.
Anke l-Avukat Arthur Azzopardi kien qed iħossu mhedded u li dan qal lil Arnaud li Vince Muscat ried li jitkellem. Qal li Alfred Degiorgio kien qallu li Melvin Theuma ried imur jarahom il-ħabs, lil aħwa Degiorgio, u li Theuma kien imur ikellem lil Mario Degiorgio, fuq hekk, imma Alfred Degiorgio ma riedx.
Issemma wkoll il-fatt meta Caruana Galizia pparkjat il-karozza tagħha l-MCP ġewwa l-Floriana u kienet segwita imma ma kien sar xejn. Huwa mexa mbgħad għad-data tad-9 ta’ Ottubru, 2019. Hemm ix-xhud qal li beda jifhem li l-iktar kien jiċċentra kien il-middleman Melvin Theuma, u li kien inkwetat fuqu, u kien iddisprat.
Wara fil-media kien ħareġ li Melvin Theuma kellu xi recordings dwar il-każ u kien hemm għidut li Theuma għamlet xi testment wara li tressqu xi persuni b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, xi ħaġa li ġiet konfermata. L-Avukat Azzopardi qal ukoll li l-klijent tiegħu Vince Muscat kien lest li jirtira kollox, anke fid-dawl tal-fatt li kien hemm xi issue ma’ Melvin Theuma.
Arnaud qal li madankollu meta staqsa lil Muscat dwar dan kollu iżda Muscat ċaħad. Ftit wara l-Avukat Azzopardi bgħat email lix-xhud li kienet tgħid li ma kienx se jibqa’ jidher għal Muscat. Hemm l-investigazzjoni fuq Melvin Theuma bdiet miexja ‘l quddiem.
Wara rriżulta u li kien daħal fix-xena Yorgen Fenech u li Theuma kien qal li jeżistu recordings dwar il-każ. Minkejja li kienet miċħuda l-proklama lil Muscat, Arnaud qal li kien lest li jibqa;’ jitkellem. Sadanittant kienet bdiet investigazzjoni ma’ Melvin Theuma fuq ħasil ta’ flus, u dan biex jaslu għal recordings li ingħad li kellu. Dan kollu seħħ lejn l-aħħar tal-2019.
Theuma kien ġie arrestat mit-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi fuq ħasil ta’ flus. Il-problema, qal Arnaud kienet li Muscat ried ikompli jagħti l-informazzjoni. Muscat qal lix-xhud li ried jagħti iktar informazzjoni fuq il-każ ta’ Daphne Caruana Galizia, u hawn Arnaud qallu li biex tingħata l-proklama trid tmur pass oltre fuq l-informazzjoni.
Muscat iżda ried isib avukat ieħor biex jitkellem, għax ma setax jagħmel hekk mingħajr avukat. Fl-14 ta’ Novembru, 2019 kien infurmat b’movimenti suspettużi fuq l-appartament ta’ Marsascala għax hemm kien imexxi l-attività llegali ta’ logħob fuq l-idejn,
Il-Pulizija semgħet li kien qed ibattal l-appartament u hawn il-Pulizija ma rieditx li l-evidenza titlaq. U meta l-Pulizija marret fuq il-post instabu r-recordings fuq il-każ ta’ Daphne Caruana Galizia. Fis-6 ta’ Diċembru, 2019, kien daħal l-Avukat Marc Sant għal Muscat u sar l-appuntament magħhom u l-informazzjoni żdiedet sew.
Arnaud qal li saru diversi sessjonijiet ma’ Muscat li baqgħu sejrin sal-20 ta’ Ottubru, 2020. Tkellem dwar l-allegat ftehim li kien hemm fl-2014-2015 biex tinqatel Caruana Galizia. Hawn dejjem kien involut skont Muscat George Degiorgio. Qal li kienu bdew jagħmlu l-għassa u ftit wara iżda kienu abbandunaw il-pjan għax il-flus qatt ma kienu waslu.
Hawn kienu ħarġu rapporti fil-media li Robert u Jamie riedu jagħuh 1,500 fix-xahar biex ma jitkellimx. Din l-offertà ,kienet saret lil missier il-mara tiegħu Peter Brincat. L-Avukat Arthur Azzopardi kien qal ukoll lil Vince Muscart u li dan informa lil Arnaud li Alfred Degiorgio kien qal lil Dr. Azzopardi “mhux aħjar Muscat jieħu l-flus milli jkompli jparla”.
Jixhdu esperti Olandiżi
L-ewwel xhieda fil-ġuri kienu sitt esperti Olandiżi,. L-esperti ppreżentaw rapporti. Waħda mill-esperti qalet li ħadet il-mobile l-Olanda għall-verifika li kien instab fuq in-naħa tax-xellug tal-karozza. L-esperti taw parir lill-Pulizija Maltija biex tippreserva x-xena tad-delitt kemm jista’ jkun billi tagħlaq iz-zona, u ntqalilhom biex jiżguraw li l-ebda fdal ma jintmess.
L-esperti kienu nħatru mill-Maġistrat Anthony Vella, li kien ġie assenjat biex iwettaq l-inkjesta (sakemm ġie promoss għal imħallef) u ġew assenjati biex jaħdmu flimkien mat-tim Olandiż tal-Europol, l-esperti forensiċi tal-pulizija u d-diviżjoni tal-isplussivi tal-Armata. Huma fasslu pjan ta’ investigazzjoni mal-Pulizija ta’ Malta, fejn qasmu z-zona tal-qtil.
Hekk kif kienu qed jaħdmu, kwalunkwe oġġett li kellu d-DNA fuqu u affarijiet personali ġew immarkati, filwaqt li oġġetti iżgħar mhux identifikati nġabru f’boroż separati tal-evidenza. Wieħed mill-esperti qal li l-evidenza kollha ngħatat lill-Pulizija.
L-avukati Godwin Cini, Danika Vella u Anthony Vella qed imexxu l-prosekuzzjoni f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Nicholas Mifsud qed jassisti lil Adrian Agius. L-Avukati Ishmael Psaila u Amadeus Cachia qed jassistu lil Jamie Vella.
L-Avukati Alfred Abela u René Darmanin qed jassistu lil Robert Agius. L-Avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri qed jassistu lil George Degiorgio. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru għall-familja Caruana Galizia. L-Avukat Vince Galea qed jassisti lill-familja Chircop.
//= $special ?>