Sport

Kampjonat tar-Road mill-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu

Aidan Buttigieg u Diana Muscat jibdew bir-rebħ

Aidan Buttigieg ta’ Team Polti Visit Malta u Diana Muscat tat-Team Greens rebħu  l-ewwel tiġrija tal-Kampjonat Nazzjonali tar-Road, wieħed miż-żewġ kampjonati organizzati mill-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu. Dawn it-tiġrijiet saru fuq iċ-ċirkwit ta’ San Martin, fuq seba’ dawriet għal Elite u sitta għall-Masters u n-Nisa. Kull dawra kienet ta’ 8.8 km.

Aidan Buttigieg spiċċa l-ewwel fl-Elite meta temm it-tiġrija tiegħu f’ħin ta’ 1:37:31.92 fi sprint finali ma’ Jacob Schembri ta’ Bike it Up Racing (1:37:32.41) u Andrea Mifsud ta’ Nice Métropole Côte d’Azur (1:37:32.65).       

It-tiġrija tan-Nisa rriżultat f’waħda dominata minn Diana Muscat tat-Team Greens li spiċċat l-ewwel f’ħin ta’ 1:33:06.74. Warajha spiċċaw Deborah Schembri ta’ Gozo CC (1:34:11.78) u Marie Claire Aquilina tat-Team Greesn (1:44:49.14).

Il-Kategorija tal-Masters 40+ kienet iddominata minn ċiklisti tat-Team Greens fejn ħareġ rebbieħ Joaquin Rojas f’ħin ta’ 1:29:24.44 segwit minn sħabu Gesred Borg (1:32:11.40) u Arek Kawalec (1:32:11.51).

David Cushing ta’ Bike It Up Racing minn naħa tiegħu ddomina din il-kategorija tal-Masters 50+ fejn rebaħ f’ħin ta’ 1:29:55.67. Federico Sermarini ta’ The Cyclist by Agones daħal it-tieni f’ħin ta’ 1:48:52.65, segwit minn Joseph Caruana tat-Team Greens (2:00:18.37).

Dawn it-tiġrijiet servew ukoll bħala tħejjija għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa li ser jinżammu l-ġimgħa li ġejja f’Andorra.

Il-Federazzjoni tawgura fejqan ta’ malajr lil Stefan Debono tat-Team Greens wara l-inċident li kellu waqt din it-tiġrija.

It-tiġrija li jmiss ser issir nhar il-Ħadd 8 ta’ Ġunju 2025 fuq iċ-ċirkwit ta’ Piunellu, l-Mellieħa, mill-Kampjonat tar-Road.