Il-kaos fin-naħa tal-Balluta huwa riżultat ta’ nuqqas ta’ ppjanar fit-tul min-naħa tal-Gvern – nuqqas li issa wassal għal dak li l-ġurnal The Malta Independent sejjaħlu “ġenn” ta’ proġetti simultanji.
L-editrojal ta’ dan il-ġurnal stqarr li għalkemm dawn ix-xogħlijiet huma meħtieġa biex jitjieb in-network tal-elettriku fil-pajjiż, in-nuqqas ta’ viżjoni u kordinazzjoni tul is-snin wassal biex dan kollu jsir f’daqqa – b’konsegwenzi serji fuq it-traffiku, l-aċċess għal negozji, u anke fuq is-servizzi ta’ emerġenza.
F’dawn l-aħħar ġimgħat, ġew osservati xogħlijiet f’lokalitajiet bħall-Imsida, San Ġiljan, Tas-Sliema, San Ġwann u s-Swatar. Proġetti simultanji li ħolqu diffikultajiet kbar biex wieħed jasal minn post għall-ieħor.
Sitwazzjonijiet simili żviluppaw ukoll f’Santa Venera, il-Ħamrun u Birkirkara, fejn xogħlijiet oħra mhux relatati mal-enerġija – bħall-proġett tal-Msida Creek – qed ikkomplu jżidu mal-problemi.
Skont l-istess editorjal, dan kollu seta’ ġie evitat kieku kien hemm ippjanar aħjar.
The Malta Independent issemmi kif il-Ministeru għall-Enerġija u l-Enemalta setgħu faċilment jippjanaw dawn ix-xogħlijiet b’mod gradwali u ma jikkonċentrawhomx f’żoni qrib xulxin fl-istess ħin.
Intant, l-istess editorjal isemmi Ministri preċedenti bħal Konrad Mizzi, Joe Mizzi u Michael Farrugia, u jgħid li l-problemi fil-qasam tal-enerġija baqgħu jinġarru għal snin twal bla ma ħadd investa fuq is-sistema tad-distribuzzjoni.
Għaldaqstant, l-Independent tagħlaq b’ċanfira ċara: “Il-poplu qed iħallas il-prezz ta’ dewmien u nuqqas ta’ ppjanar. Iżda xorta hemm id-domanda – dan ix-xogħol li qed jaffettwa mijjiet ta’ ċittadini, ser iwassal għal soluzzjoni?”
//= $special ?>