Il-ġurnali Ewropej kollha bl-istess headlines. L-iskandlu li fih hemm implikat Daniel Attard ġibed l-attenzjoni tal-ġurnali internazzjonali. Deskritt bħala każ serju ta’ tixħim mill-kumpanija Ċiniża Huawei.
L-istorja kollha faqqgħet ilbieraħ wara li l-Pulizija Belġjana talbu li titneħħa l-immunità Parlamentari ta’ Daniel Attard.
L-MEP Laburista nnifsu kkonferma li mar jara logħba futbol tal-Europa League fi private box ta’ din il-kumpanija. Waqt il-partita, kienu semmewlu s-suġġett Huawei – u wara, aċċetta li jiltaqa’ magħhom. Bl-investigaturi jorbtu dan il-każ ma’ potenzjal ta’ tixħim fuq l-istituzzjonijiet Ewropej.
Fil-fatt, l-iskandlu ta’ korruzzjoni tal-Huawei jinvolvi allegat tixħim ta’ Assistenti u issa anke MEPs fil-Parlament Ewropew permezz ta’ rigali li jinkludu vjaġġi u inviti regolari għal logħob tal-futbol biex min-naħa tagħhom dawn jinfluwenzaw deċiżjonijiet politiċi li jaġevolaw interessi kummerċjali fuq livell Ewropew. L-iskandlu jinvolvi wkoll ħasil ta’ flus.
Fl-istqarrija, Daniel Attard fl-ebda ħin ma kien trasparenti u ma tax dettalji dwar dak li ntqal f’din il-laqgħa li kellu mal-Huawei.
Wara li saru magħrufa dawn il-fatti, il-Partit Laburista ħareġ jiddefendi lil Daniel Attard. U spiċċa jgħid li l-investigazzjoni tal-Pulizija Belġjana kienet intiża biss biex “tkisser politikament” lill-MEP Laburista.
Il-PN minn naħa tiegħu semma’ kif l-MEP Laburista diġà qed jipprova jwaħħal fl-assistent tiegħu biex jipprova jaħrab minn dawn l-akkużi. Fi stqarrija, il-PN insista li Robert Abela għandu jgħid b’mod ċar x’passi se jieħu fil-konfront ta’ Daniel Attard.
//= $special ?>