Internazzjonali

L-Iran: Mhux daqstant kbar il-prospetti tat-taħditiet nukleari mal-Istati Uniti

 

L-Ayatollah Ali Khamenei, bħala l-Mexxej Suprem tal-Iran, esprima dubji kbar dwar kemm it-taħditiet ta’ pajjiżu mal-Istati Uniti għandhom iwasslu għal ftehim ġdid dwar it-tnaqqis tal-proġetti nukleari ta’ Tehran. Khamenei qal li l-Istati Uniti qed tinsisti bid-domandi ‘eċċessivi’ dwar il-proċessi tal-Iranjani għall-irraffinar tal-uranju…Proċessi li kapaċi jkunu strumentali fl-iżvilupp tal-armamenti nukleari.

Il-President Amerikan, Donald Trump, kien hedded, qabel, li l-Iran jispiċċa suġġett għall-azzjonijiet militari f’każ li ma jnaqqasx mill-ipproċessar tal-uranju.

U Trump, sigħat lu, qal li l-Iran ‘kien qed jidher dispost favur it-termini ta’ ftehim’ wara l-aħħar rawnds ta’ taħditiet li ilhom għaddejjin mit-12 ta’ April taħt il-medjazzjoni tal-Oman.

Intant, fi tmiem il-ġimgħa, mistennija aktar taħditiet bejn l-Iran u l-Istati Uniti. Dan meta  n-negozjaturi Iranjani mhumiex mistennija li jnaqqsu l-produzzjoni tal-uranju rraffinat għall-fuel li jiġġenera r-reatturi nukleari.

Wieħed, issa, irid jara jekk Trump ikomplix jhedded lil Khamenei dwar ‘il-konsegwenzi’ fost aktar theddid li l-Iran, ‘il quddiem, kapaċi jiffaċċja l-azzjonijiet militari anki min-naħa ta’ Iżrael.

Fl-ewwel terminu tiegħu bħala President Amerikan, Donald Trump, kien ħareġ pajjiżu mill-ftehim nukleari tal-2015 bejn l-Iran u l-potenzi tad-dinja.