Internazzjonali

L-Istati Uniti tista’ xxolji mir-rwol ta’ medjatur fil-gwerra tal-Ukrajna mar-Russja

L-osservaturi internazzjonali qed jaraw indikazzjonijiet li l-Istati Uniti tista’ ma tkomplix fir-rwol ta’ medjatur bejn l-Ukrajna u r-Russja. Dan meta r-Russja ta’ Vladimir Putin ma tidhirx lesta għal xi konċessjonijiet notevoli wara konflitt ta’ aktar minn tliet snin fl-artijiet Ukreni. Fil-fatt – u minkejja xewqat għall-konklużjoni tal-konflitt min-naħa tal-President Amerikan Donald Trump – il-kundizzjonijiet li qed yinsisti bihom il-Kremlin żgur li ma jistgħux jitqiesu bħala aċċettabbli għat-tmexxija Ukrena.

Il-Presidenti Trump u Putin, fl-aħħar sigħat, kellhom diskursata twila iżda inkonklussiva bit-telefon. U dritt wara, il-Mexxej Amerikan bagħat messaġġ fuq Truth Social biex jiddikjara, mingħajr ma ppreżenta l-fatti, li r-Russja u l-Ukrajna kienu qed jaħsbu biex jibdew in-negozjati għal waqfien mill-ġlied u t-tmiem eventwali tal-gwerra.

Trump, ftit tal-jiem ilu, kien qal li l-paċi fl-Ukrajna ma setgħetx tintlaħaq mingħajr is-sehem tiegħu bħala protagonista fil-proċess. Iżda fl-aħħar sigħat, hu bidel id-diska u qal li l-kundizzjonijiet għall-paċi jridu jkunu negozjati biss bejn ir-Russi u l-Ukreni ‘bħalma hu xieraq’.

Il-President Amerikan, b’sorpriża, iddikjara anki li l-Vatikan ‘għandu jkun interessat ferm li jservi bħala s-sede għal dawn in-negozjati’ – u fost l-insistenza li ‘l-Mexxejja tal-Ewropa qed ikunu infurmati bl-iżviluppi’.

Fl-istess ħin, l-analisti qed jaraw xenarju fejn l-Istati Uniti qed ‘taħsel idejha’, bil-mod il-mod, mir-rwol ta’ medjatur u wara li ilha l-aħħar xhur twettaq il-pressjoni fuq il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, minkejja li pajjiżu ilu l-aħħar snin ibati l-aggressjoni kontinwa tal-Kremlin.

L-istess osservaturi qalu li hemm dejjem il-possibbiltà li Donald Trump jixba’ u jwarrab mill-proċess għall-paċi. Dan minkejja ħafna ftaħir inizjali ta’ Trump – qabel hu kien elett President mill-ġdid – li ‘seta’ jikkonkludi l-konflitt fi spazju ta’ 24 siegħa biss’.

Il-prospetti għall-paċi komplew ħadu daqqa oħra ‘l isfel, fis-16 ta’ Mejju, meta d-delegati tar-Russja u l-Ukrajna ltaqgħu fit-Turkija għal taħditiet rari wiċċ imbwiċċ u mingħajr ma rriżulta ftehim bażiku għall-waqfien mill-ġlied.

Fl-aħħar sigħat ukoll, żdiedu l-prospetti li l-Istati Uniti xxolji bħala medjatur meta l-Viċi President Amerikan, J.D. Vance, informa espliċitament lill-ġurnalisti li pajjiżu kapaċi jwaqqaf l-isforzi ta’ medjazzjoni. Deċiżjoni li kapaċi tkun ikkonfermata uffiċjalment anki qabel l-aħħar tal-ġimgħa.

Ir-Russja, intant, għadha tinsisti biex tikkonsolida l-kontroll fl-artijiet tal-Ukrajna li ħatfet u biex il-Gvern Ukren jaqbel biex inaqqas drastikament il-qawwiet tiegħu jekk hu jrid li jiddiskuti l-paċi. Dan ukoll meta l-Kremlin taħt l-ebda ċirkustanzi ma jaċċetta sitwazzjoni fejn l-Ukrajna, xi darba, issir parti min-NATO.