L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal hu serjament imħasseb dwar il-każijiet ta’ abbuż sesswali u korruzzjoni ta’ minuri, sew online kif ukoll offline, li dehru fil-midja dan l-aħħar. Dawn huma mhux biss atti kriminali iżda wkoll ksur gravi tad-drittijiet, id-dinjità u l-benesseri tat-tfal.
Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal qal li huwa tassew diffiċli għat-tfal li jiftħu qalbhom dwar dan l-abbuż li sofrew, għalhekk huwa estremament importanti li l-ħatja jinżammu responsabbli, kif ukoll li tingħata għajnuna u protezzjoni lit-tfal vittmi ta’ dawn l-atti, sabiex ma jkunx hemm stigmatizzazzjoni, ikun aġevolat il-fejqan tagħhom, tiġi affermata d dinjità tagħhom u jkunu mħarsa d-drittijiet tagħhom.
Il-protezzjoni tat-tfal hija responsabbiltà ta’ kulħadd speċjalment minħabba li t-tfal huma partikolarment vulnerabbli. L-Uffiċċju jħeġġeġ l-awtoritajiet relevanti biex jieħdu l-azzjoni meħtieġa biex tkun garantita l-ġustizzja għall-vittmi permezz ta’ prosekuzzjoni xierqa tal-ħatja.
Għandha tittieħed ukoll azzjoni preventiva sabiex il-ħatja ma jistgħux jerġgħu jkunu ta’ periklu
għat-tfal. Għandhom jiżdiedu l-isfozi sabiex ngħinu lit-tfal u nagħtuhom l-għodda meħtieġa sabiex jsgħrfu s-sinjali ta’ abbuż u jfittxu l-għajnuna.