Il-Parlament Ungeriż approva l-abbozz li għandu jixpruna l-proċess – effettiv għal sena – biex l-Ungerija ma tiffurmax aktar parti mill-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC).
Il-vot f’Budapest ifformalizza l-proċess li l-Prim Ministru Ungeriż, Viktor Orban , kien beda fl-ewwel ġranet ta’ April. Orban innifsu kien iddikjara li pajjiżu ma riedx ikun aktar parti mill-qorti globali li tipproċessa lill-individwi u pajjiżi akkużati dwar reati tal-gwerra, reati kontra l-umanità u ġenoċidju.
Il-Viċi-Prim Ministru Ungeriż, Zsolt Semjen, fi stqarrija qal li l-Ungerija tiċħad l-użu tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi l-qrati kriminali, bħala strumenti għall-influwenza politika.
U skont Viktor Orban, din il-qorti globali mgħadhiex istituzzjoni imparzjali iżda saret ‘qorti politika’.
L-Ungerija ċaħdet il-mandat tal-ICC għall-arrest tal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu li qed ikun mixli b’allegati reati tal-gwerra u reati kontra l-umanità relatati mal-gwerra ta’ Iżrael kontra l-Ħamas (f’Gaza).
Skont il-mandat, Netanyahu ikun qed jissogra li jinżamm taħt arrest f’sitwazzjonijiet fejn hu jirfes l-art fil-pajjiżi firmatarji (fosthom l-Ungerija) għall-ICC.
//= $special ?>